Lokali
Imniedi tour virtwali tal-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta

Ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ tour virtwali fil-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Dan il-proġett, mgħejjun mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, inħoloq matul il-pandemija tal-COVID-19 bil-ħsieb li l-katidral xorta waħda jiftaħ il-bibieb tiegħu għall-Maltin u għat-turisti, iżda b’mod virtwali.

Dan ħabbritu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet f’dan il-katidral. Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif dan il-katidral huwa binja ikonika oħra fil-Belt Kapitali li kull sena jżuruha madwar 30,000 turist. Semmiet kif b’dan l-investiment b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, se tinħoloq esperjenza unika u mingħajr ħlas kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.

It-tour ta’ dan il-katidral b’mod virtwali jista’ jsir permezz ta’ 12-il filmat qasir li jinsabu fuq il-website: https://www.stpaulspromalta.org/cathedral-tour/

Kull wieħed minn dawn il-filmati huwa spjegat bl-Ingliż daqs li kieku għandek gwida miegħek. Il-ħsieb hu li dan it-tour ikun disponibbli wkoll bil-Franċiz, Taljan, Spanjol u Portugiż. Apparti minn hekk, dan it-tour huwa aċċessibli wkoll permezz ta’ app bl-isem ‘St Paul Pro Cathedral’ li tista’ titniżżel b’xejn fuq il-mobile sabiex it-turist li jżur il-katidral isegwi pass pass it-tour tal-binja.

Min-naħa tiegħu, il-kanonku Simon Godfrey qal kif il-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl jifforma parti intrinsika mill-wirt kulturali ta’ Malta, fejn huwa rikonoxxut mad-dinja kollha. Il-kampnar tal-katidral, li jasal sa aktar minn 67 metru mill-art, huwa element storiku u ikoniku tax-xena tal-Belt Valletta. Il-Kanonku appella għal għajnuna mingħand voluntiera biex jassistu lill-viżitaturi li jżuru dan il-katidral.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar