Barranin
Imorru jiġru għand Pete Buttigieg biex iżewwiġhom qabel twelled

Is-Sindku Malti-Amerikan fl-Indiana, Pete Buttigieg, kellu bidu tal-ġurnata mhux tas-soltu llum hekk kif b’urġenza ntalab iżewweġ koppja qabel ma l-mara kienet se tidħol l-isptar biex twelled.

Mary u Gabe Jones daħlu jiġru fl-uffiċċju tas-Sindku bix-xewqa li jżewwiġhom qabel ma titwieled binthom. Mary kellha d-dokumenti u l-karti kollha lesti qabel ma ddaħlet l-sptar biex twelled b’ċesarja.

Is-Sindku Buttigieg ammetta li għall-ewwel kien beħsiebu jipprova jara kif se jeħles minnhom iżda x’ħin sar jaf aktar dwar l-istorja tal-koppja, bi ħġaru ra kif għamel u poġġihom l-ewwel qabel kollox.

Fi ftit minuti, il-koppja ngħaqdu fiż-żwieġ u ftit tas-sigħat wara twieled qawwija u sħiħa Jade Katherine Jones bil-barka tas-Sindku Buttigieg.

Pete Buttigieg jitkellem 8 lingwi – l-Ingliż, il-Malti hekk kif wirtu minn għand missieru, it-Taljan, l-Għarbi, il-Franċiż, in-Norveġiż, l-Ispanjol u d-Dari – l-ilsien mitkellem fl-Afghanistan. Huwa mistenni jkun fost il-kandidati tad-Demokratiċi biex jiġi elett President tal-Istati Uniti fl-2020 u jekk jiġi elett se jkun l-ewwel President omosesswali fl-istorja tal-Istali Uniti.