Lokali
Implimentati 90% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali

Is-servizz pubbliku u bosta entitajiet pubbliċi implimentaw 90% tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali għas-sena 2019 u rapporti oħra li saru s-sena li għaddiet.

Dan intqal mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar meta għas-sitt sena konsekuttiva, ġiet ippubblikata pubblikazzjoni li tagħti rendikont tal-azzjoni li ttieħdet għar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali.

Is-Sur Cutajar, qal li dak li nbeda sitt snin ilu, illum sar parti mir-rutina tas-servizz pubbliku, u fisser il-pubblikazzjoni bħala miżura ta’ kontabilità.

Matul is-sena li għaddiet saru 319-il rakkomandazzjoni minn 331 li saru mill-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali tas-sena ta’ qabel bil-għan li jitjiebu s-servizzi u l-prattiċi fis-servizz pubbliku u l-entitajiet tal-Gvern.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li dan ifisser li l-amministrazzjoni pubblika implimentat disgħa minn kull għaxar rakkomandazzjonijiet li saru mill-Awditur Ġenerali, rata li qal hija ogħla mis-sena l-oħra u sentejn ilu meta kienu ġew implimentati 81% u 78% rispettivament.

Fil-preżentazzjoni ta’ din il-pubblikazzjoni ta’ aktar minn 400 paġna, is-Sur Cutajar qal li mit-319-il rakkomandazzjoni, ħarġet 714-il azzjoni, li 71 minnhom biss kienu għadhom pendenti sal-aħħar ta’ Settembru.

“Illum meta qed nitkellmu fuq rakkomandazzjonijiet infakkar li kien hemm żmien meta l-NAO kien joħroġ sena wara l-oħra jilmenta li r-rapporti tiegħu ma jingħatawx kashom, ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma jitwettqu qatt. Illum il-ġurnata nieħdu gost u nosservaw li l-NAO jara li vera nkunu qed inwettqu r-rakkomandazzjonijiet u l-perstenaġġi ta’ implimentazzjoni li joħroġ bihom hu jaqblu preċiż ma tagħna.”

Fost ir-rakkomandazzjonijiet li ntlaqgħu, fil-pubblikazzjoni jissemmew tibdil fil-proċeduri ta’ kif jingħataw il-kuntratti pubbliċi ta’ diversi entitajiet pubbliċi, fosthom mill-Isptar Mater Dei, l-MFSA, u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada. Rakkomandazzjonijiet oħra kienu jittrattaw il-ġestjoni tal-inventarju u kontrolli interni fl-amministrazzjoni ġenerali u ta’ fondi pubbliċi.

Dwar it-tnax-il rakkomandazzjoni li ma ntlaqgħux, is-Sur Cutajar qal li ħafna minnhom ma jkunux jistgħu jitwettqu minħabba li l-liġi tipprekludi lid-dipartiment milli sseħħ, jew ma tkunx possibbli li titwettaq mill-aspett loġistiku. Is-Sur Cutajar irrimarka li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika nnota prattiċi tajba fl-iskema tas-saħħa ewropea kif ukoll fid-dipartiment tal-veterinarji fejn qal qajla kien hemm rakkomandazzjoniet jew ma kien hemm xejn.