Immigrazzjoni
Implimentati direttivi tal-UE fit-trattament tal-immigranti u r-ritorn tagħhom meta ma jikkwalifikawx għall-ażil

L-awtoritajiet Maltin qed ikampaw maż-żieda fil-wasliet tal-immigranti li ġew salvati mill-Forzi Armati fl-aħħar xhur, iżda għandhom pjani ta’ kontinġenza f’każ li jiżdiedu l-wasliet tal-immigranti. F’kummenti lil TVM, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li l-awtoritajiet Maltin qed jimplimentaw id-direttivi tal-Unjoni Ewropea fit-trattament tal-immgiranti u r-ritorn tagħhom meta ma jikkwalifikawx għall-ażil.

Il-wasla ta’ kważi elf immigrant li ġew salvati mill-Forzi Armati mill-bidu tas-sena ħolqot iżjed pressjoni fuq il-faċilitajiet ta’ Malta fejn jintlaqgħu l-immigranti. Madankollu skont il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, is-sitwazzjoni fiċ-Ċentri Miftuħin fejn qed jinżammu l-immigranti li jinġiebu Malta, għadha mhix allarmanti.

Il-Ministru Farrugia qal “fiċ-ċentri miftuħin dejjem għandna pjan ta’ kontinġenza f’każ li jkun hemm influss ta’ immigranti li jkun ta’ ċertu kobor. Dak il-pjan ta’ kontinġenza qiegħed hemm u s’issa ma skattajniehx għax għadu ma nħassx il-bżonn”.

F’intervista ma’ TVM, il-Ministru Farrugia spjega li b’direttiva tal-Unjoni Ewropea, l-immigranti salvati ma jistgħux jinżammu f’detenzjoni ħlief f’ċirkustanzi partikulari.

Il-Ministru Farrugia qal “direttivi tal-UE kienu waqfu li persuna kif tinżel fuq l-art trid titfgħu f’detenzzjoni. Inbidlet għal każijiet speċifiċi u allura meta persuna jfalli mill-ażil u jkun jistaż jintbgħat għax huwa sikur, hemmhekkil-pulizija tista toħroġ ordni ta’ detenzzjoni.”

Dr Farrugia qal li bil-proċeduri l-ġodda issir evalwazzjoni tal-immigranti li ħaqqhom il-protezzjoni u l-immigranti li ma jikkwalifikawx jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.

Mistoqsi kemm mill-elf immigrant li ġew salvati mill-Forzi Armati din is-sena ntbagħtu lura, il-Ministru Farrugia ma setax jagħti ċifra eżatta għax ikun għadu għaddej il-proċess ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju tar-Refuġjati. Qal li meta l-appell ikun deċiż u l-ażil ma jingħatax, jiskatta l-proċess biex jintbagħtu lejn pajjiżhom.

Il-Ministru Farrugia qal “hemm ftehimiet mill-Unjoni Ewropea ma’ diversi pajjiżi illi jgħinu pajjiżi bħal Malta biex inkunu nistgħu nibgħatuhom lura lejn pajjiżhom wara li jgħaddu minn proċess jekk jitolbu li jkun hemm ażil. Għax jista jkun ukoll li nifthemu magħhom u jkun hemm ritorn volontarju u hemm tiskatta skema li titħaddem flimkien mal-UE”.

Spjega li sakemm isir ir-ritorn, l-immigrant jinżamm f’ċentru miftuħ b’ċerti kundizzjonijiet.

“Jiġi mġiegħġel li jirrapporta f’uffiċċju darba, darbtejn, tlieta fil-ġurnata skont il-bżonn li jinħass qabel il-persuna eventwalment jintbgħat lejn pajjiżu jew lejn pajjiż ieħor skont iċ-ċirkostanzi” qal il-Ministru Farrugia.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran, il-Ministru Farrugia qal li s-sitwazzjoni tal-wasliet tal-immigranti kienet tkun ferm agħar li kieku l-gwardja tal-kosta Libjana ma żiditx il-ħidma tagħha kontra t-traffikar tal-immigranti.

Aħbarijiet Oħra
Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Lokali

Waqt l-aħħar tislima li ngħatat lil Enrica lbieraħ fil-knisja ta’ San Ġiljan, inġabru €10,000 għal Puttinu Cares. Enrica kienet tgħożż il-familja ta’ Puttinu li tant tawha kuraġġ u sabar waqt…

Edukazzjoni

The Rotary Malta Clubs are calling for applications from residents of Malta wishing to pursue a post-graduate degree. The scholarship offered to Maltese residents is worth $ 30,000 and is…

Aktar