Importaturi tal-ikel jgħidu li ftit hu l-ikel li jintrema f’Malta

L-idea ta’ Bank tal-Ikel f’Malta biex jitqassam ikel lil persuni fil-bzonn qabel id-data tal-iskadenza tidher li ntlaqgħet tajjeb. Madankollu importaturi tal-ikel u operaturi tas-supermarkets qalu lil TVM li ghalkemm mhumiex kontra l-idea, ftit hu l-ikel li jintrema.

L-Alleanza Kontra l-Faqar – għaqda volontarja mmexxija minn Charles Miceli appellat biex f’Malta tidħol liġi bħal ma sar fi Franza ħalli prodotti tal-ikel li jkunu se jiskadu minflok jintremew jingħataw bla ħlas lill-organizazzjonijiet tal-karità biex iqassmuhom lin-nies fil-bżonn. Is-Sur Miceli qal li ħafna mill-organizazzjonijiet volontarji diġà għandhom imħażen u servizz ta’ trasport li jagħmluha faċli li tkun implimentata l-liġi.

“Aħna qed naħsbu li jkun hawn liġi fejn is-supermarkets u l-aġenti li jimpurtaw l-ikel, kumpaniji kbar, food chains, li l-ikel żejjed flok jintrema jingħata lill-organizazzjonijiet tal-ovvjament biex jgħinu jnaqqsu l-ispejjeż,” qal is-Sur Miceli.

Franza llegiżlat li supermarkets jew kumpaniji tal-ikel li għandhom facilitajiet ikbar minn 4,000 metru kwadru iridu jgħaddu l-prodotti li jkunu se jiskadu lil organizazzjoni tal-karità inkella jeħlu multa. Din l-idea diġà tkellem favuriha il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat li qal li l-Gvern qed jikkunsidra liġi simili.

General Manager ta’ supermaket fin-Naxxar qal mil-lat kummerċjali is-supermarkets jieħdu miżuri kontinwi biex jevitaw il-ħela bħal li jordnaw b’qies u jagħmlu offerti fuq prodotti li jkunu se jiskadu.

Malcolm Mintoff qal l-ħela fis-supermarkets hi relattivament żgħira għax għandhom kuntratti mal-importaturi li jieħdu lura l-prodotti li jkunu se jiskadu. Qal iżda li l-idea ta’ food bank strutturat hi tajba.

“Sakemm qed jinħoloq ġid minnu u ma qed tagħmel ħsara lil ħadd ma naħsibx li għandha tkun diffikultà, sakemm anki minn naħa tal-ħwienet, biex jikkontribwixxu f’din il-ħaġa ma jidħlux fi spejjeż iktar illi fl-aħħar mill-aħħar jirriflettu fil-prezzijiet għal konsumatur, hemmhekk naħseb li jista’ jsir gwadann minnu għal kulhadd,” qal is-Sur Mintoff.

Paul Camilleri minn M&Z Marketing Limited li jimpurtaw prodotti tal-ikel qal li l-kumpanija diġà tqassam volontarjament prodotti tal-ikel li jiġu rritornati lura mis-supermarkets. Qal li huma jaqblu li f’Malta jkun hawn sistema organizzata kif jinġabru u jitqassmu l-prodotti. Ray Portelli minn Alf Mizzi & Sons, importaturi kbar tal-ikel qal li ma tantx jibqagħlom ħela għax jieħdu lura prodotti li jiskadu biss u jeqirduhom.

L-idea li jitwaqqaf food bank f’Malta hi fost l-inizjattivi tal-President Marie-Loiuse Coliero Preca. Kelliema għall-uffiċċju tal-President qalet li għadhom għaddejjin it-taħdidiet biex titwaqqaf fondazzjoni bil-għan li tiġbor ikel ippakkjat li minflok ma jintrema minħabba d-data l-iskadenza, jitqassam lil nies fil-bżonn.