Qorti
Imprenditur jitlef talba għal kumpens wara li ma nħariġlux permess għal ċirku fuq il-Fosos

L-imprenditur Johann Said tilef kawża li għamel lill-Kummissarju tal-Pulizija b’rabta mar-rifjut ta’ permess biex jorganizza ċirku bl-annimali fl-2012 fuq il-Fosos.

Fil-kawża li fetaħ fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili huwa argumenta li kien beda bit-taħdidiet mal-Pulizija dwar il-permess u kellu aspettativa li dan se jinħareġ.

Il-fatt li ma nħariġlux mhux biss wassluh biex tilef il-flus imma anke l-fama ta’ imprenditur u għalhekk talab kumpens.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija sostna li Said ma kellu ebda dritt awtomatiku għal-liċenzja jew permess u nsista li ma kellux jiġi mgħobbi bit-tħejjijiet li għamel l-imprenditur.

Mill-provi li tressqu quddiem l-Imħallef Joseph Micallef irriżulta li Said kellu l-ħsieb li għall-ħabta tal-Milied 2012 jarma ċirku ħdejn il-Fosos tal-Furjana.

Għalkemm il-Kunsill Lokali tal-Furjana m’oġġezzjonax il-liċenzja ma nħarġitx wara tħassib li wrew is-sidien tal-ħwienet tal-Belt minħabba l-impatt li ċ-ċirku seta’ kellu fuq il-parkeġġ f’dawk iż-żmien ta’ festi.

Iċ-ċirku laħaq wasal bil-bhejjem u t-tagħmir inżammu x-xatt sakemm dakinhar li kellu jinfetaħ ittieħdu fuq il-Fosos u ngumbraw il-post.

Said kien arrestat għal xi ħin minħabba li ma riedx joqgħod għall-ordnijiet tal-Pulizija biex ineħħi l-ingombru.

Huwa talab li jarma ċ-ċirku qrib iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-permess inħareġ fejn baqa’ miftuħ sas-6 ta’ Jannar.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat, l-Imħallef Micallef sostna li anke li kieku kien hemm xi għamla ta’ rabta pre-kuntrattwali l-provi mressqa juru li l-Kummissarju tal-Pulizija ma reġax lura minn xi rabta bla raġuni jew b’mod kapriċċuż.

“Għall-kuntrarju, il-provi juru li, fejn kien fis-setgħat tiegħu li joħroġ il-permess mitlub mill-attur, dan wettqu u għamlu fl-iqsar żmien, tant li l-attur innifsu xehed li (meta huwa talab li jitħalla jarma ċ-ċirku f’post ieħor) b’kollox il-Pulizija kienu ħafna effiċjenti fiha din”.

L-Imħallef Micallef żied li minbarra dan il-Kummissarju tal-Pulizija ma setax imur kontra l-politika maħruġa mill-Kabinett tal-Ministri u jagħti l-permess bi ksur tal-istess politika.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li huwa ċaħad it-talba ta’ Said biex il-Kummissarju tal-Pulizija jagħtih kumpens.