Negozju
Imprendituri Indjani fir-Renju Unit imħajra jsibu f’Malta alternattiva għall-operat tagħhom fl-UE

TVM jinsab infurmat li fl-aħħar xhur, it-task force tal-gvern Malti dwar Brexit, kienet attiva ħafna fost imprendituri Indjani bbażati fir-Renju Unit biex tħajjarhom isibu f’Malta alternattiva għall-operat tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

L-isforzi biex jiġi attirat investiment mill-Indja ssokta bis-sehem għall-ewwel darba ta’ Malta f’summit u fiera kummerċjali li jiġu organizzati kull sentejn fl-istat ta’ Gujarat fl-Indja. Fi tmiem avveniment li dam għaddej tliet ijiem, kien rappurtat interess tajjeb ħafna f’Malta li jaf ikun żerriegħa li tħalli l-frott fiż-żmien li ġej.

Intemm il-Ħadd summit ta’ tliet ijiem dwar l-investiment u fiera kummerċjali fl-istat ta’ Gujarat fl-Indja li fih Malta ħadet sehem għall-ewwel darba b’delegazzjoni kummerċjali. Din inkludiet uffiċjali mill-Malta Enterprise, Trade Malta u rappreżentanti ta’ kumpaniji Maltin. Dawn kellhom iċ-ċans jibnu kuntatt u jwieġbu għal domandi minn investituri Indjani dwar Malta jew ifittxu kif huma jistgħu jimirħu u minn Malta jbiegħu prodotti u servizzi fl-Indja.

Il-Ministru tal-Ekonomija u l-Investiment, Chris Cardona, li kien mad-delegazzjoni kummerċjali tul it-tliet ijiem tal-avveniment qal li l-interess f’Malta kien wieħed tajjeb ħafna speċjalment fi tliet oqsma.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment, Chris Cardona qal “aħna ltqajna ma’ kull min kien interessat. Il-feel tiegħi hu li hemm tliet setturi: wieħed minnhom il-farmaċewtika, ieħor hu l-informazzjoni u t-teknoloġija u settur ieħor hu dak li għandu x’jaqsam ma’ start ups u allura l-aċċess għall-finanzjament tal-ideat li jkollhom dawn l-istart-ups li jistgħu iwassluna biex nattiraw aktar investiment b’saħħtu, solidu, fit-tul fil-pajjiż tagħna.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Trade Malta, Anton Buttigieg qal “il-kuntest hu ċar. Għandna diġà numru ta’ kumpaniji Indjani li nvestew f’Malta, u hemm ukoll numru ta’ kumpaniji Indjani li qed iħarsu lejn Malta bħala post fejn jinvestu u għandna ċ-ċirkustanzi ta’ madwarna llum fejn il-possibilità li l-Ingilterra toħrog mill-Unjoni Ewropea, fejn hemmhekk hemm komunitajiet Indjani kbar, u huma jistgħu jħarsu lejn Malta fejn jistgħu jkomplu jagħmlu kummerċ mal-Unjoni Ewropea.”

Trade Malta, imwaqqfa bejn il-gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, tfittex tgħin negozjanti Maltin jieħdu l-prodotti u s-servizzi tagħhom barra l-pajjiż. Fi kliem il-Kap Eżekuttiv, Anton Buttigieg, is-sehem f’dan l-avveniment kien ideali biex negozjanti Maltin jifhmu x’opportunitajiet ta’ negozju hemm fl-Indja.

“Bħala Trade Malta dejjem sorpriżi fejn jimirħu l-kumpaniji Maltin. Jien qatt ma ngħid li mort x’imkien u ma kienx hemm kumpaniji Maltin” qal is-sur Buttigieg.

Apparti l-ħafna laqgħat individwali, attira udjenza kbira wkoll seminar dwar Malta indirizzat mill-Prim Ministru u mill-Ministru Cardona li wieġbu wkoll għal domandi ta’ Indjani fosthom dwar il-liġi Maltija dwar il-blockchain, l-ispazju għal proġetti ta’ enerġija li tiġġedded, l-edukazzjoni, it-turiżmu u t-teknoloġija. Aktarx iżda li l-aħjar reklam għal Malta mal-Indjani f’dan is-seminar kien l-intervent ta’ Indjan – Balesh Sharma – li tkellem dwar l-esperjenza tiegħu ta’ kważi tliet snin f’Malta bħala Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Vodafone.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Kisbiet

Imwieled Malta u emigra lejn l-Awstralja 44 sena ilu wara li gradwa mill-Università ta’ Malta dak iż-żmien kienet magħrufa bħala The Royal University of Malta. F’intervista ma’ TVM, il-Professur Stephen…

Aktar