LGBTIQ
Impressjonata bl-apoloġija minn Maltin għal kummenti xenofobiċi waqt btala f’Malta

L-Ingliża ta’ 30 sena li qatgħet ħesrem vaganza f’Malta minħabba dawk li ddeskriviet bħala “kummenti xenofobiċi” qalet li baqgħet impressjonata bil-messaġġi ta’ solidarjetà li rċeviet.

Lucy Spraggan, li saret magħrufa grazi għall-X-Factor, iddeskriviet iż-żjara li hija u l-maħbuba tagħha għamlet f’Malta bħala waħda kerha b’kummenti xenofoboċi minn diversi persuni.

L-esperjenza tagħha ġiet irrappurtata fuq diversi mezzi tax-xandir ewlenin tar-Renju Unit.

Fuq il-profil tagħha ta’ Instagram il-kantanta Ingliża qalet li l-vaganza tagħhom damet biss jumejn u nofs.

“Kont ħerqana ħafna niġi Malta u waħda mir-raġunijiet kienet għax smajt li Malta hija LGBT friendly u progressiva. Kienu ħafna dawk li rrakkomandawli lil Malta għax qalu li ħadu gost”.

Hija tirrakkonta kif fl-ewwel jum f’Malta kienu ħafna dawk li għajruhom lesbjani meta hija u l-maħbuba tagħha kienu lebsin b’mod femminili u lanqas żammew id xulxin.

Spraggan irrakkuntat kif marru f’restorant u l-waiter irrimarkalhom li l-mod kif kienu bilqegħda ħdejn xulxin kien “sexy”.

Huma marru jieħdu ġelat u grupp ta’ rġiel bdew jagħmlu mossi oxxeni u jgħajruhom.

“Xbajt sal-mewt niġi mhedda għax mara! Xbajt sal-mewt niġi mhedda għax lesbjana! Malta hiaj sabiħa imma l-esperjenza le”.

Wara li rritornaw l-Ingilterra Spraggan qalet li rċeviet bosta messaġġi ta’ solidarjetà minn diversi Maltin fosthom mill-Ministru Owen Bonnici, responsabbli mill-ugwaljanza.

Hija qalet li kienet impressjonata bil-messaġġi u l-apoloġiji li rċeviet u żiedet li xtaqet li ż-żmien li qattgħu Malta kien aħjar.

Spraggan żiedet li darb’oħra, meta jkunu se jsiefru, trid tippjana sew biex fejn imorru jkun post sikur għalihom.