Toroq
Imqanqla diversi reazzjonijiet wara d-dokument konsultattiv dwar l-e-scooters

Id-dokument konsultattiv dwar l-e-kick scooters li tnieda minn Transport Malta qanqal reazzjonijiet fost oħrajn mill-Alternattiva Demokratika u mill-Bicycle Advocacy Group. Dawn sostnew li ma jaqblux li l-e-kick scooters għandhom ikollhom liċenzja ta’ €25 fis-sena li hija saħanistra €15 ogħla minn tal-muturi żgħar.

Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg ukoll stqarr li din il-proposta jsibha stramba iżda saħaq li dan huwa dokument ta’ konsultazzjoni u l-miżata tal-liċenzja wkoll tista’ tinbidel.

Il-Bicycle Advocacy Group, filwaqt li qabel li għandu jkun hemm regolamenti għall-e-kick scooters, insista li dawn m’għandhomx isiru b’mod li joħonqu l-użu ta’ dan il-mezz alternattiv ta’ trasport sostennibbli. Il-grupp qal li wħud mill-proposti fid-dokument ta’ konsultazzjoni, fosthom ir-restrizzjoni fejn l-e-scooters jistgħu jintużaw inisslu dubju serju dwar kemm Transport Malta tabilħaqq trid tippromwovi l-micromobility.

L-Alternattiva Demokratika qalet fost oħrajn li, limiti fuq veloċità jew fuq is-saħħa tal-mutur huma raġonevoli, iżda l-proposti ta’ reġistrazzjoni, assigurazzjoni u aktar u aktar dik li min juża’ scooter elettriku għandu bżonn liċenzja tas-sewqan huma redikoli u esaġerati.

Ara wkoll:

Il-Gvern jipproponi li biex wieħed isuq l-e-kick scooters ikollu liċenzja u insurance