Barranin
Imur aħjar milli mistenni l-ewwel summit formali bejn Biden u Putin

Mar aħjar milli mistenni l-ewwel summit formali bejn il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, u l-President Russu, Vladimir Putin, li iltaqgħu f’Ġinevra. Iż-żewġ mexxejja iddeskrivew r-relazzjonijiet bilaterali bħala kostruttivi u waslu għal progress sostanzjali dwar għadd ta’ kwistjonijiet jaħarqu li kienu qed itappnu l-istat tar-relazzjonijiet bejniethom.

Taħdidiet deskritti bħala pożittivi u kostruttivi waqt l-ewwel summit bejn il-President Russu Vladimir Putin u l-President Amerikan Joe Biden li sar f’Ġinevra, l-Iżvizzera.

Il-mexxejja indirizzaw żewġ konferenzi tal-aħbarijiet separatament fi tmiem it-taħdidiet li matulhom kienu diskussi għadd ta’ kwistjonijiet jaħarqu bejn iż-żewġ naħat fl-isfond ta’ relazzjonijiet bilaterali li kkrollaw fl-aħħar xhur.

B’ton pjuttost rikonċiljatorju u iżjed pożittiv milli mistenni, Putin iddeskriva lill-Biden bħala statista ta’ esperjenza u ferm differenti mill-president Trump. Deċiżjoni kruċjali kienet li ż-żewġ naħat qabblu li jirritornaw liż-żewġ ambaxxaturi tagħhom fiż-żewġ pajjiżi wara li kienu rtirati.

Il-President Russu Vladimir Putin iddeskriva t-taħdidiet bħala kostruttivi u waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li kien hemm progress fuq għadd ta’ kwistjonijiet. Qal li ddiskutew l-istabbiltà nukleari strateġika u li ż-żewġ naħat qablu li se jesploraw t-tibdil għal New Start, it-trattat dwar il-kontroll tal-armamenti.

Il-President Joe Biden b’ton rikonċiljatorju aċċenna li fejn hemm differenzi irid li l-President Putin jifhem għaliex jgħid li jgħid u jagħmel li jagħmel. Qal li l-Istati Uniti m’hijiex kontra r-Russja jew xi pajjiż ieħor imma trid tissielet għad-drittijiet umani.

Qal li f’dan il-kuntest, l-Istati Uniti se tkompli turi t-tħassib tagħha dwar kwistjonijiet li per eżempju jikkonċernaw l-arrest u t-trattament tal-kap tal-oppozizzjoni Alexei Navalny u d-difiża tal-jedd li l-media jitħallew joperaw u jeżerċitaw id-dritt tal-espressjoni.

Dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, qal li huwa essenzjali li ż-żewġ naħat jikkoperaw u jixprunaw l-istabbiltà, partikolarment dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istabbiltà umana bi strateġija maqbula għall-kollaborazzjoni ta’ esperti u diplomatiċi f’oqsma sensittivi bħall-armamenti nukleari, u li jsaħħu mekkaniżmi li jeliminaw it-theddid ta’ perikli għall-umanità.

Biden huwa l-ħames President li kellu taħdidiet wiċċ imb wiċċ ma’ Putin hekk kif kien diġà ltaqa’ miegħu fl-2016 waqt li kien viċi-president fl-amministrazzjoni Obama.