Saħħa
Imur għalihom id-dar, iwassalhom għall-qadja li jkollhom u jerġa’ jeħodhom lura

L-anzjani li jgħixu ż-Żurrieq, il-Gżira u l-Mosta qed jivjaġġaw fil-lokalità tagħhom permezz ta’ tuk tuk, li jmur għalihom id-dar u jwassalhom għall-qadja li jkollhom u jerġa’ jwassal lura. Dan huwa proġett pilota li daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ dan ix-xahar. Das-servizz mill-ewwel sar popolari mal-anzjani, li wħud minnhom għamlu użu minnu aktar minn darba.

Bil-għan li l-anzjani jibqgħu indipendenti u attivi fil-lokalità tagħhom tnieda s-servizz Silver T. Servizz ta’ trasport permezz vettura bi tliet roti magħrufa bħala tuk tuk, li twassal lill-anzjani għall-qadi tagħhom ta’ kuljum.

Miriam Said qalet ”tajjeb ħafna għax imur jew il-quddiesa/il-Knisja, jew għall-monti jwassalna hekk għax għall-bqija u għall-clinic imorru aħna.”

Għalkemm das-servizz beda kmieni dax-xahar, Miriam Said u Mary Camilleri diġà uzawh diversi drabi.

Alfred Pisani  qal “jogħġobni ħafna għax ma ssibx tipparkja l-Mosta u hawn iġibuk mal-ewwel. They are very nice.”

Mary Camilleri  qalet “dan is-servizz sibtu tajjeb ħafna għax jien għandi raġel marid u nkunu nista’ nwasslu l-polyclinic nidħol miegħu għax meta nmur b’tagħna ma ssibx tipparkja.”

Joseph huwa wieħed mix-xufiera tat-tuk tuk. Stqarr li dan ix-xogħol jagħtih sodisfazzjon kbir “għax dawk għamlu xogħolhom, batew, issa ħaqqhom igawdu.”

Silver T huwa proġett pilota, li beda għall-anzjani li jgħixu ż-Żurrieq, il-Mosta u l-Gżira. Il-kordinatur tal-proġett, Godfrey Farrugia stqarr li fl-ewwel ħmistax saru mal-160 vjaġġ bit-tuk tuk.

Il-Kordinatur tas-servizz Silver T, Godfrey Farrugia “qed jinħadem għal perjodu ta’ sitt xhur. Għandna l-help desk għandna t-telephone number ukoll 21695544. Insaqsuhom mistoqsijiet, insaqsuhom l-indirizzi, ID card, il-mobility tagħhom.”

Is-Sur Farrugia spjega li f’dawn is-sitt xhur se tinġabar l-informazzjoni bil-pjan li das-servizz il’quddiem jinfirex f’aktar lokalitajiet. Huwa spjega li l-anzjani jistgħu jagħmlu appuntament għal dan is-servizz bejn jumejn u tlett ijiem qabel jiġu bżonnu. Huma jistgħu jċemplu bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar .

Dan il-proġett huwa operat mis-sezzjoni tat-trasport f’San Vinċenz de Paul.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Ilbieraħ, f’Sibt il-Għid, il-Bormliżi inawguraw l-Irxoxt wara li sarlu r-restawr. Ma’ TVM ir-restawratriċi Valentina Lupo kienet spjegat li l-istatwa kellha erba’ problemi, fosthom diversi qsim fl-injam. Fir-restawr saru wkoll interventi fuq…

Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed ibassar riħ qawwi. Ir-riħ mix-Xlokk Lvant ser ikun qawwi ħafna fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sal-għaxra tal-lejla u terġa’ tiġġedded kif meħtieġ.

Saħħa

Mistenni jibda x-xahar id-dieħel ix-xogħol ta’ twaqqiegħ u tħammil għat-tieni dar residenzjali għal persuni bil-marda newroloġika tal-ALS. Il-proġett, f’Ħaż-Żebbuġ, mistenni jiswa sitt miljun Ewro. Ma’ TVM, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS Malta,…

Aktar