COVID-19
Imut anzjan Malti – 2 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta

Raġel Malti ta’ 81 sena miet ilbieraħ matul il-lejl u mit-testijiet li sarulu dan ħareġ pożittiv għall-virus. Dan huwa l-5 vittma tal-virus f’Malta. L-anzjan kien qiegħed għall-kura f’Karen Grech u kellu diversi kundizzjonijiet fosthom mard respiratjorju, mard fil-kliewi u fil-qalb.

Is-Supretendent tas-Saħħa, Charmaine Gauci kkonfermat 2 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta, fosthom l-anzjan Malti li miet mal-lejl. Il-każ l-ieħor huwa ta’ raġel ta’ 44 sena li kellu sintomu ta’ wġigħ ta’ żaqq. Dawn il-każijiet ħarġu wara li saru 1,218 swab test. B’hekk s’issa f’Malta kellna 482 każ tal-COVID-19.

https://www.facebook.com/TelevisionMalta/videos/2629868867224689/

Prof Gauci qalet li fiequ 4 pazjenti oħra u dan ifisser li issa hemm 403 persuni li fiequ u 74 każ attiv. L-età tal-persuni fiequ tvarja bejn 20 u 89 sena.

Is-Supretendent tas-Saħħa ħabbret ukoll li m’hemm ħadd fl-ITU b’rabta mal-COVID-19. Qalet li bħalissa hemm 5 pazjenti rikoverati l-Isptar Boffa u 4 oħra fl-Isptar Saint Thomas.

Hija fakkret dwar l-użu tal-maskra meta wieħed joħroġ jixtri jew juża t-trasport pubbliku. Fakkret ukoll li wieħed għandu jżomm distanza minn xulxin ta’ żewġ metri.

Waqt il-konferenza stampa, il-Professur Gauci qalet li jistgħu jittieħdu passi legali kontra s-sidien tal-ħwienet u stabbilimenti li jdaħħlu nies bla maskri.

Mistoqsija minn Television Malta jekk l-iswab test hux limitat għal persuni b’sintomi, il-Professur Gauci qalet li kull persuna f’riskju tista’ ċċempel il-111 għall-appuntament. Qalet ukoll li qed jittieħed swab mill-katavri ta’ persuni li mietu u kellhom ħjiel ta’ problemi respiratorji.