Lokali
Imut Dun Ġwann Azzopardi – ir-Rabat jitlef wieħed minn uliedu

Magħruf għar-rikkezza storika għal dak kollu marbut mal-kult Pawlin, ir-Rabat illum tilef wieħed minn uliedu – Monsinjur Ġwann Azzopardi, għal ħafna magħruf biss bħala Dun Ġwann.

Hu kellu l-età ta’ 84 sena u kien il-kuratur tal-mużew tal-Katridral fl-Imdina u tal-mużew Wignacourt fir-Rabat. Il-kontribuzzjoni tiegħu fl-aspett storiku kien wieħed imfittex tant li x-xogħlijiet tiegħu dejjem servew bħala riferenza u ispirazzjoni għall-akkademiċi u studenti kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.

Dun Ġwann kien ukoll kanonku onorarju tal-Kapitlu tal-Kolleġjata ta’ San Pawl. L-awturi tal-ktieb Melitensium Amor, ippublikat kważi 20 sena ilu kienu taw ħajr lil Dun Ġwann għar-riċerka tiegħu dwar Caravaggio, l-inkwiżizzjoni f’malta u l-istudji dwar il-kult Pawlin f’Malta.

Il-funeral ta’ Monsinjur Ġwann Azzopardi se jsir għada s-Sibt fl-10am fil-Bażilika ta’ San Pawl. Dun Ġwann se jkun ikun espost għall-qima tal-pubbliku fil-Knisja ta’ San Publiju fit-8am u mbagħad jittieħed fil-Bażilika fejn tibda quddiesa presente cadavre fl-10am mmexxija mill-Monsinjur Arċisqof Charles J Scicluna.