Lokali
Imut Hugo Chetcuti 6 ijiem mill-feriment f’Paceville

Sitt ijiem mindu ndarab gravi wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina, l-imprenditur Hugo Chetcuti miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei f’xi 9pm.  Huwa ddaħħal l-isptar ftit wara l-feriment li seħħ fi stabbiliment tiegħu stess nhar il-Ġimgħa filgħaxija li jinsab fi Triq Santa Rita, kantuniera ma’ Triq San Ġorġ f’Paceville, San Ġiljan.

Chetcuti kellu 52 sena u kien imprenditur ta’ suċċess b’katina ta’ stabbilimenti tad-divertiment, restoranti u lukandi li kollha kienu jġibu ismu stess – Hugo.  Chetcuti kien beda n-negozju tiegħu fit-tmeninijiet, bil-ftuħ tal-ewwel stabbiliment tiegħu ‘Footloose’ f’Paceville.  Maż-żmien huwa kompla jiftaħ iktar stabbilimenti mhux biss tad-divertiment, iżda wkoll kien pijunier fl-industrija tal-ospitalità lokali.

Riċentament ħareġ bil-kunċett li jiftaħ bosta stabbilimenti u lukandi li jġibu ismu stess, bl-intenzjoni li joffri għażla wiesa’ ta’ ħwienet tal-ikel, bars u lukandi li joffru l-aqwa faċilitajiet u servizz ta’ kwalità bi stil uniku għall-klijenti Maltin u barranin.  Huwa bena din il-katina ta’ stabbilimenti bl-appoġġ ta’ ħutu Sheryl u Isaac, kif ukoll ibnu Luke, li mexa fuq il-passi ta’ missieru.

Kien propju fl-inawgurazzjoni ta’ stabbiliment ieħor tiegħu meta l-imprenditur qala’ daqqiet ta’ sikkina minn Serb, Bojan Cmelik ta’ 35 sena, li ġie arrestat ftit wara li wettaq l-aggressjoni fuq Chetcuti u tressaq il-Qorti s-Sibt li għadda, madwar 12-il siegħa wara li seħħ il-feriment.  Cmelik wieġeb li mhux ħati tal-akkuża tal-attentat ta’ qtil ta’ Chetcuti u baqa’ miżmum arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Hugo kien ilu minn nhar il-Ġimgħa bil-lejl fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fejn sarlu intervent ftit wara li ddaħħal l-isptar hekk kif kawża tad-daqqiet ta’ sikkina indarab gravi u kien fil-periklu tal-mewt.  Għalkemm għal xi ħin il-qagħda tiegħu kienet stabbli, madanakollu l-isforzi li saru biex jaqleb għall-aħjar sfumaw biex ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt tiegħu.

Ara wkoll:

Hugo Chetcuti għadu f’qagħda kritika

Hugo Chetcuti fil-periklu tal-mewt wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina

Is-Serb akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ Hugo Chetcuti ġie Malta fl-aħħar jiem

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Grupp ta’ għaddasa li niżlu jgħoddsu f’Wied il-Għasri u Reqqa Point f’Għawdex ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ skart mhux tas-soltu mormi fil-baħar. L-għaddasa sabu għadd ta’ ġlud tal-fniek mormijin fil-baħar. Bil-kurrent,…

Temp

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi dwar riħ qawwi li se jaħkem il-gżejjer Maltin. Ir-riħ mit-Tramuntana għall-Majjistral ser ikun qawwi għal qawwi ħafna kultant fuq il-Gżejjer Maltin. Din…

Politika Lokali

Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta qal li nnota d-dikjarazzjoni tal-familja Caruana Galizia wara r-riżultati tal-inkjesta fil-każ ta’ Egrant fuq allegazzjonijiet li oriġinalment għamlet Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern qal li huwa…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia kiteb uffiċjalment lill-Avukat Ġenerali Peter Grech fejn talab li jingħata kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li ġiet konkluża mill-Maġistrat Aaron Bugeja. Fi…

Aktar