Barranin
Imut il-karikaturista li pinġa lill-profeta Mohammed b’bomba fit-turban

Tħabbret il-mewt ta’ Kurt Westergaard, il-karikaturista Daniż li ħoloq furur fid-dinja Iżlamika wara li pinġa lill-profeta Mohammed b’turban li kien fih bomba.

Il-familja tiegħu qalet li huwa miet wara marda twila fl-età ta’ 86 sena.

Il-karikaturi tiegħu ġew pubblikati fuq il-ġurnal Jyllands-Posten fl-2006 u wasslu biex ambaxxati fil-pajjiż jipprotestaw mal-Gvern Daniż.

It-tpinġija tal-Profeta Mohammed hija meqjusa bħala nsult għall-Musulmani b’mod ġenerali.

F’diversi pajjiżi Musulmani kienu saru protesti kbar li fihom anke mietu numru ta’ nies.

Wara li pinġa l-karikaturi Westergaard irċieva diversi theddid fuq ħajtu u anke saru attentati fuqu.

Huwa mar jistaħba u wara ddeċieda li jgħix f’dar b’uffiċjal tas-sigurtà miegħu.

Sentejn wara l-pubblikazzjoni tal-karikaturi l-Pulizija Daniża arrestat tliet persuni suspettati li kienu qed jippjanaw li joqtluh.

Fl-2011 Somalu ta’ 28 sena nstab ħati li pprova joqtlu u kien ikkundannat disa’ snin ħabs.

F’intervista ma’ Reuters fl-2008 Westergaard kien qal li qatt ma ddispjaċih minn dak li għamel.