Lokali
Imut Oliver Friggieri ġgant tal-letteratura Maltija

Tħabbret il-mewt tal-Professur Oliver Friggieri fl-età ta’ 73 sena.

Tul il-karriera tiegħu ta’ għalliem u kittieb, Profs. Friggieri kiteb għadd ta’ xogħlijiet letterarji fosthom poeżji, rumanzi u studji lettararji. Fost il-kitbiet tiegħu wieħed isib Il-Gidba, L-Istramb, Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri, Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ, It-Tfal Jiġu bil-Vapuri u La Jibnazza Niġi Lura.  Apparti minn hekk Profs. Friggieri għandu għadd ta’ studji letterarji b’mod partikolari fuq il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.

Il-kotba ta’ Friggieri ġew maqluba għal diversi lingwi fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Maċedonu, is-Sloven, l-Għarbi u r-Russu. Fl-2013 huwa nħatar Chairman tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin.

Il-memorja ta’ Oliver Friggieri tibqa’ mnaqqxa f’moħħ u fi qlub ta’ għadd ta’ studenti li kellhom ix-xorti li jitgħallmu mingħandu.