Barranin
Imut il-leġġenda ta’ Juventus Giampiero Boniperti

Giampiero Boniperti miet dal-lejl f’Turin l-Italja fl-età ta’ 92 sena minħabba kumplikazzjonijiet f’qalbu.

Boniperti ngħaqad mat-tim ta’ Juventus bħala plejer ta’ 17-il sena. Huwa sar bandiera ta’ Juventus billi fost l-oħrajn ta sehmu biex intrebħu ħames kampjonati. Imbagħad, Boniperti kompla jorbot qalbu mal-klabb Juventin permezz ta’ diversi karigi.

Bejn l-1971 u l-1990, Boniperti kien sar President ta’ Juventus, u bejn l-1991 u l-1994 huwa xammar il-kmiem bħala Amministratur Delegat tal-istess klabb. Fl-2006 Boniperti nħatar bħala President Onorarju ta’ Juventus.

Ix-xogħol ta’ Boniperti fost l-oħrajn kien kruċjali biex ingħaqdu ma’ Juventus żewġ plejers li matul is-snin serqu qalb is-sapporters Juventini u mhux biss – Gaetano Scirea u Alessandro Del Piero. Boniperti rnexxielu jġib ma’ Juventus ukoll lill-kowċ Giovanni Trapattoni.