Kultura
Imut il-mużiċista Sammy Galea

Illum tħabbret il-mewt tal-mużiċista, kompożitur u pilastru tal-mużika Maltija Sammy Galea fl-età ta’ 86 sena.

Galea dar id-dinja permezz tal-mużika u naqqax ismu bħala kompożitur b’karriera twila li matulha kiseb suċċess bl-unuri li kiseb kemm f’festivals lokali u anke internazzjonali.

Ewlenin fosthom kien il-kompożitur ta’ Singing This Song li biha Renato kien irrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-1975 u kiseb riżultat tajjeb, filwaqt li kważi 38 sena ilu martu Doreen kienet rebħet il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija b’Jekk Trid, li iktar tard spiċċat fis-6 f’post f’festival fi Bratislava.

Fl-1994 kien rebaħ il-Malta Song Festival bil-kanzunetta Forsi u baqa’ jirbaħ dan il-festival organizzat mill-PBS għal 4 snin wara xulxin. Il-kompożizzjoni tiegħu Taħt il-Qawsalla kienet ippubblikata u rrekordjata f’Zurich mill-UNICEF. Huwa kien rebaħ il-Lifetime Achievement Award fl-2003 fil-Malta Music Awards u Ġieħ il-Floriana mill-Kunsill Lokali tal-Floriana.

Sammy Galea flimkien ma’ ibnu l-Maestro Dominic Galea