Lokali
AĠĠORNAT: Donnha qalbu ħebritu li kien se jmut ftit sigħat wara

Ix-xena tal-mużika Maltija tilfet ġgant tal-mużika klassika Maltija bil-mewta ħabta u sabta tal-Professur Joseph Vella. F’wieħed mill-aħħar impenji tiegħu nhar is-Sibt li għadda, is-surmast Vella ppreżenta l-arkivju mużikali tiegħu lill-mużew Ħaġar fir-Rabat Għawdex, fejn bħal donnu qalbu ħebritu bid-destin tiegħu.

Għawdex jinsab f’luttu wara li tħabbret il-mewt tal-Professur Maestro Joseph Vella, surmast u kompozitur tal-mużika klassika. Huwa miet għall-għarrieda tard l-Ħadd filgħaxija fl-età ta’ 76 sena.

Ibnu Nikki Vella waqt li fakkar il-memorja ta’ missieru qal li kellu enerġija ta’ żagħżugħ u qalb tad-deheb.

Imwieled ir-Rabat Għawdex, il-Professur Vella ggradwa bħala għalliem u speċjalizza fl-istudji mużikali fl-Università Durham.

Fl-1994 inħatar bħala Associate Professor fid-Dipartiment tal-Istudji Mużikali fl-Università ta’ Malta. Il-portafoll tiegħu jinkludi l-kompożizzjoni ta’ 110 xogħol mużikali li jinkludu ħames sinfoniji u seba’ kunċerti.

Ix-xogħlijiet mużikali tiegħu gew interpretati fl-Ewropa, il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Ġappun. Huwa kien ukoll id-Direttur tas-Soċjetà Korali Maltija u waqqaf il-kor tal-Akkademja. Maestro Vella kien l-ewwel direttur residenti tal-Orkestra Filarmonika Maltija. Fost oħrajn, kien surmast tal-Banda Konti Ruġġieru fir-Rabat u Direttur mużikali tat-teatru tal-Astra Opera.

L-aħħar dehra tiegħu kienet nhar is-Sibt filgħaxija meta ppreżenta l-arkivju mużikali kollu tiegħu lill-mużew ‘Il-Ħaġar’ tal-Belt Victoria. Hawnhekk bħal donnu li s-Surmast Vella ħebritu qalbu li kien riesaq lejn it-tmiem.

“Meta jiena ma nkunx hawn, il-mużika tiegħi se tibqa’ integra, u mhux titferrex,” qal Vella.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fakkret il-memorja tiegħu u ddeskrivietu bħala ikona mużikali li jibqa’ magħruf għall-imħabba, id-dedikazzjoni u l-għerf mużikali kbir tiegħu.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Żewġ żgħażagħ ta’ tmintax u wieħed u għoxrin sena miż-Żejtun qed jinżammu mill-pulizija dwar każi ta’ serq minn diversi vetturi fl-inħawi ta’ Delimara u St Peter’s Pool. Fi stqarrija, il-pulizija…

Partit Laburista

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jgħinu jitnaddaf il-pajjiż u jitnaqqas l-iskart. F’attività politika bit-tema Lokalitajiet ta’ Għada fis-Swatar, stqarr li mhux kuntent fl-indafa…

Lokali

Mumenti ta’ ġabra spikkaw fiċ-Ċimiterju Militari f’Tal-Pietà waqt it-tifkira għall-eluf ta’ suldati Awstraljani u minn New Zealand li tilfu ħajjiethom biex jiddefendu l-ħelsien fil-battalja ta’ Gallipoli fl-Ewwel Gwerra Dinjija li…

Aktar