Lokali
Imut il-Prof. Edward de Bono – fost 150 persuna fid-dinja li kkontribwixxa bl-iktar mod effettiv għall-umanità

Tħabbret il-mewt tal-Professur Malti Edward de Bono fl-għomor ta’ 88 sena. Isem il-Prof. De Bono kien sinonimu mat-teoriji tal-ħsieb laterali u akkademiku magħruf internazzjonalment għal metodi ta’ ħsieb li jwasslu għal ideat innovattivi.

Huwa kien meqjus ukoll bħala awtorità ewlenija fil-ħsieb kreattiv u fit-tagħlim tal-ħsieb bħala ħila. L-interess tiegħu kien l-użu tal-ħsieb bħala ħila ta’ kuljum.

Tul il-karriera tiegħu li ħaditu mal-erbat irjieħ tad-dinja, il-Professur de Bono kien innominat bħala wieħed mill-aktar 150 persuna fid-dinja li kkontribwixxa bl-iktar mod effettiv għall-umanità.

Fi stqarrija fuq il-paġna tiegħu, ingħad li l-Prof. de Bono miet fil-paċi wara li għex ħajja straordinarja u ta’ ispirazzjoni għal bosta biex ikunu ħassieba aktar kreattivi.

Huwa jibqa’ mfakkar ukoll għall-ktieb tiegħu The Mechanism of Mind “A memory is what is left when something happens and does not completely unhappen.”

Il-funeral tiegħu se jsir Malta waqt li se ssir tifkira aktar tard fir-Renju Unit.

Intant, fuq il-mezzi soċjali, iż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi, Robert Abela u Bernard Grech, fakkru l-memorja tal-Professur de Bono. Dr Abela qal li għalkemm il-Professur de Bono m’għadux magħna l-ħsieb tiegħu se jkompli jkun ta’ ispirazzjoni biex inkomplu mixjin ‘il quddiem. Dr Grech fisser li pajjiżna tilef wieħed mill-ulied li għamilna kburin peress li l-Professur de Bono għamel isem mhux biss għalih innifsu imma anki għal pajjiżu li tant kien iħobb.

Fi stqarrija l-Partit Laburista sellem ukoll il-memorja tal-Professur Edward de Bono fejn stqarr li ħsibijietu se jibqgħu ta’ ispirazzjoni għalina lkoll.