Barranin
Imut it-tabib Taljan Gino Strada – waqqaf għaqda li fejqet miljuni ta’ midruba fil-gwerer

It-tabib Taljan Gino Strada miet fl-età ta’ 73 sena, wara li kien ilu s-snin jissielet ma’ problemi f’qalbu. Huwa miet fir-reġjun tan-Normandija, fit-Tramuntana ta’ Franza.

Strada jibqa’ mfakkar talli fost l-oħrajn fl-1994 waqqaf l-għaqda umanitarja ‘Emergency’. Permezz tagħha, hu stmat li Strada rnexxielu jfejjaq aktar minn 11-il miljun ruħ li sfaw midruba f’diversi gwerer mal-erbat irjieħ tad-dinja, fosthom fl-Afganistan u s-Sudan. ‘Emergency’, b’mod speċjali, għamlet xogħol mediku kruċjali fid-disgħinijiet, waqt il-ġenoċidju fl-Irwanda.

Imwieled Sesto San Giovanni f’Milan, Strada bena sptarijiet u binjiet maħsuba biex jagħtu l-ewwel għajnuna fi 18-il pajjiż.

Hu kien gradwa fil-mediċina u kien speċjalizzat biex jopera lin-nies b’urġenza.

Strada kkollabora mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Salib l-Aħmar f’diversi bnadi milquta mill-gwerra. B’hekk, huwa jibqa’ sinonimu ma’ persuna bi qlubija u b’imħabba lejn il-proxxmu liema bħalhom.