Lokali
Imut it-tenur u l-preżentatur Lino Gatt

Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Lino Gatt fl-età ta’ 80 sena. Gatt kien tenur u preżentatur, fosthom ta’ programmi fuq Radju Malta.

Huwa studja l-mużika fil-Guildhall Academy of Music and Drama ta’ Londra, u għal xi snin għallem fil-Manoel Theatre Academy of Dramatic Arts.

Gatt kien wieħed mill-ewwel preżentaturi tar-radju fuq Radju Malta, meta dan twaqqaf mill-Awtorità tax-Xandir fl-1973, u kien ukoll l-ewwel vuċi li nstemgħet fuq Radju Malta 2 meta dan beda jxandar fis-sena ta’ wara.

Għal snin twal huwa ppreżenta programmi tar-radju fuq mużika klassika, u kien involut fit-twaqqif tal-istazzjonijiet Radio Mediterranean u Voice of the Mediterranean, fejn f’dan tal-aħħar kellu l-kariga ta’ Head of Programmes. Gatt ħadem ukoll fuq diversi dokumentarji għat-televiżjoni u ppreżenta serje televiżivi qosra fis-snin tmenin u disgħin.

Fit-Teatru Manoel, huwa okkupa l-kariga ta’ direttur fuq il-bord, u kien l-ewwel Chairman tal-Orkestra Nazzjonali.