Lokali
Imut l-attur John Mansueto

Tħabbret il-mewt tal-attur rinomat Malti John Mansueto. Għal dawn l-aħħar sitt snin, John kien attur ewlieni fis-sensiela televiżiva “Ħbieb u Għedewwa” li xxandret b’suċċess fuq TVM.

F’post fuq Facebook, l-attur Henry Zammit Cordina qal li ironikament l-aħħar xena li ġibdu flimkien għal din is-sensiela kienet xena fl-isptar.

Huwa qal li Saviour hekk kif bosta kienu jafuh fis-sensiela televiżiva, kien f’qagħda kritika u fil-periklu li jitlef ħajtu. Qal li tul dawn is-snin kollha ħadmu tajjeb ħafna flimkien u llum John jinsab f’post aħjar.

John ħadem ukoll il-parti ta’ Manwel fit-tieni taqsima tat-trilogija tal-ISPETTUR fit-Teatru Manoel. Id-direttur artistiku Mario Philip Azzopardi kien qal li dik kienet l-ewwel darba li ħadem ma’ John u meta ġie iż-żmien biex jibdew ix-xogħol fuq is-serje televiżiva, mill-ewwel talbu biex jerġa’ jaħdem miegħu.

Qal li kienu xxurtjati li John aċċetta il-parti u fir-raba’ episodju, huwa wera t-talent li verament jistħoqqlu kull tifħir. Azzopardi temm jgħid li lil John rajnieh diversi drabi fuq it-televixin, madankollu qal li fl-ISPETTUR, John deher f’waħda minn dawk ix-xeni b’monolgu twil u kkumplikat li fi kliemu ma ddejjaq qatt jarah.