Imut Ronnie Biggs tal-Great Train Robbery

Tħabbret il-mewt ta’ Ronnie Biggs, li kien wieħed minn ġemgħa ta’ 15 li fl-1963 serqu somma rekord ta’ £2.6 miljuni, li llum isarrfu aktar minn £40 miljun, li baqgħet magħrufa bħala “The Great Train Robbery”. Huwa kellu 84 sena.

L-aħħar dehra tiegħu fil-pubbliku kienet f’Marzu meta attenda għall-funeral ta’ Bruce Reynolds li kien il-moħħ wara s-serqa li seħħet fit-3 a.m. tat-8 ta’ Awwissu – jum għeluq snin Biggs, hekk kif il-ferrovija kienet għaddejja mill-kampanja. Is-sewwieq tal-ferrovija, Jack Mills, kien ingħata daqqa ta’ ħadida fuq rasu u qatt ma ħadem aktar, tant li miet ftit snin wara.

Biggs kien intbagħat 30 sena ħabs għas-sehem tiegħu fis-serqa iżda sena u tliet xhur wara ħarab meta qabeż ħajt m’għola sular u sab vann jistennih. Huwa għamel 36 sena jgħix fil-Brażil u l-Awstralja.

biggs 2

Sabuh fl-1974 iżda seta’ jibqa’ Rio de Janiereo għax il-maħbuba tiegħu Raimunda de Castro kienet qed tistenna tarbija tiegħu. Bħala missier ta’ tifel Brażiljan, Biggs kiseb l-immunità mill-estradizzjoni lejn l-Ingilterra.

Mar lura l-Ingilterra minn jheddu fl-2001 flimkien ma’ ibnu hekk kif saħtu bdiet tmajna u għamel tmien snin mis-sentenza oriġinali sakemm fl-2009 ħelsuh minħabba saħtu.

Dan l-aħħar Biggs kellu kemm-il darba attakki ta’ puplesija u miet f’dar ta’ kura fit-tramunata ta’ Londra.