
L-imprenditur Yorgen Fenech qed jiġi interrogat mill-Pulizija bħala parti mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa ġie arrestat kmieni dalgħodu fuq cabin cruiser li twaqqaf mill-Forzi Armati għaxar minuti biss wara li beda jbaħħar, f’dak li jidher li seta’ kien attentat biex jaħrab minn Malta.
TVM jinsab infurmat li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-forzi tal-ordni aġixxew b’ħeffa billi Fenech kien kunsidrat bħala persuna ta’ interess fl-istħarriġ biex jiġi stabbilit min kien il-mandant tad-delitt. L-istess sorsi qalu li idejn l-investigaturi huma msaħħa minn tagħrif mogħti minn raġel li qed jgħid li kien l-intermedjarju bejn il-moħħ wara l-qtil tas-sinjura Caruana Galizia u l-persuni li wettqu r-reat. L-istess raġel li ntqal kien jaf sew lil Yorgen Fenech għandu garanzija ta’ maħfra presidenzjali kemm-il darba jagħti provi li jistgħu jiġu korroborati biex min kien responsabbli jitressaq u jinstab ħati tar-reat.
L-arrest tal-imprenditur Yorgen Fenech sar mill-Pulizija kmieni filgħodu wara li l-Forzi Armati ċċirkundaw il-cabin cruiser tiegħu ħiereġ minn Malta qabel is-sebħ. Is-Sur Fenech kien abbord il-cabin cruiser. Il-cabin cruiser iddaħħal lura fil-marina ta’ Portomaso f’San Ġiljan fejn saret tfittxija intensiva fih u baqa’ miżmum taħt għajnejn il-forzi tal-ordni. Uffiċjali tas-sigurtà tal-marina ma ħallewx lill-media tavviċina l-cabin cruiser.
Sorsi qalu li l-arrest ta’ Fenech sar b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li Fenech ġie interrogat mill-Pulizija.
Dan l-iżvilupp seħħ l-għada li l-Prim Ministru ffirma ittra li tirrakomanda maħfra presidenzjali kundizzjonata lil raġel li qed jgħid li kien l-intermedjarju bejn il-moħħ wara l-qtil tas-sinjura Caruana Galizia u l-persuni li wettqu r-reat.
Sena ilu rapport tal-FIAU kien identifika lil Yorgen Fenech bħala s-sid tal-kumpanija 17 Black, ibbażata Dubaj, li dwarha kienet kitbet u staqsiet il-ġurnalista Daphen Caruana Galizia. 17 Black kienet issemmiet f’rapporti minn Daphne Caruana Galizia bħala kumpanija li minnha allegatament kellhom jgħaddu transazzjonijiet mill-kumpaniji Tillgate u Hearnville, it-tnejn reġistrati fil-Panama, li kienu jidhru fuq isem Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dan qajjem suspetti peress li Fenech kien ukoll wieħed mid-diretturi tal-kumpanija Electrogas. Dwar il-kumpanija 17 Black għaddejja wkoll inkjesta bil-Maġistrat.


Ara wkoll:
ISMA’: X’qal il-Prim Ministru dwar l-arrest ta’ Yorgen Fenech?
Illum tkompli l-kumpilazzjoni tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat fejn mistenni jixhed Melvin Theuma. Fl-awla tal-Qorti hemm preżenti t-tliet akkużati, l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat bilqegħda mdawwrin minn uffiċjali tal-ħabs. Preżenti…
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-Deputat Parlamentari Robert Abela huma ż-żewġ kandidati għall-ħatra ta’ mexxej tal-Partit Laburista minflok il-Prim Ministru Joseph Muscat. Ftit wara li ngħalqu n-nomini għal Mexxej…
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta organizza d-disa’ edizzjoni ta’ Lost, Found and Auctioned; avveniment li matulu nġabru aktar minn €12,000 għall-karità. Filwaqt li matul is-sena medja ta’ 800 oġġett li jintilfu…
L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi b’riħ qawwi sal-lejla. Ir-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi fuq il-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sal-10pm.