Imwarrba minn ulieda għal 4 snin u nofs

Ir-rabja u l-pika bejn koppji li qed jisseparaw qed twassal biex wieħed mill-ġenituri ma jkollux kuntatt ma’ uliedu għal perjodu ta’ żmien. Fil-fatt ‘Popolin’ tkellem ma’ omm li ilha ma tara lil ulieda għal iktar minn erba’ snin u nofs.

“Nisma’ lin-nies imdejjqa għax ma jistgħux jaraw it-tfal minħabba l-COVID19, jien dik il-ħajja ngħixa kuljum. Il-ftit li kont narahom kienu jiġu b’ċertu rabja għax min jaf xi jkunu semgħu” spjegat din l-omm. Qalet li s-sistema f’Malta hija inġusta ħafna għaliex mhux sew li wieħed mill-ġenituri jkollu jagħmel żmien twil mingħajr ebda kuntatt. Ix-xhieda tat-tfal tingħata ħafna importanza, biss hemm il-possibilità li t-tfal jiġu mġiegħla jgħidu ċertu kliem. “Naf li t-tfal ma jonqoshom xejn mal-parti l-oħra, imma l-iktar ħaġa importanti hija l-imħabba tal-omm fil-każ tiegħi. Jien dejjem nistennihom, il-bieb dejjem miftuħ. Nispera li huma kuntenti. Iż-żminijiet tal-Milied ikunu diffiċli ħafna għalija u għal min hu bħali, jien ma rridx rigali, kull ma nixtieq li jċempluli u nagħtihom tgħanniqa” qaltilna din l-omm.

Fl-aħħar nett issuġġeriet biex min ikun għaddej f’separazzjoni ma jinvolvix l-ulied bħala mod kif tippika mal-parti l-oħra; “Ġara x’ġara bejn l-adulti ma għandhomx jintużaw it-tfal bħala target għaliex it-tfal dejjem vittmi.”