Immigrazzjoni
Imwerwer li jintbagħat lura l-Iraq wara li nqabad f’limbu legali f’Malta

Ċittadin Iraqi li ilu jgħix Malta tliet snin, wara li kellu jaħrab mill-Iraq minħabba t-tortura li qal għadda minnha, għandu futur imċajpar mill-ġdid, wara li tilef l-appell biex jingħata status ta’ refuġjat.

Huwa tkellem ma’ Television Malta dwar it-tħassib u l-inkwiet tiegħu bl-akbar biża’ huwa li jintbagħat lura pajjiżu fejn ħajtu tkun mheddha serjament. Fl-aħħar tliet snin ħadem u kien qed jgħix ħajja stabbli f’Malta.

Ir-raġel Iraqi, li ma riedx li niżvelaw ismu, fetaħ qalbu dwar kif kellu jaħrab mill-Iraq minħabba li l-familja tiegħu spiċċat fil-mira ta’ grupp estremista, minħabba li kellhom ħanut tax-xorb f’pajjiż Iżlamiku.

“Għaddejt ħafna affarijiet, qatlu lil missieri, qatlu l-ħija ż-żgħir u lilu taqqbuli sidri bit-trapan, bil-cordless taqqbuni.”

Jgħid li rnexxielu jsalva minn ħalq il-mewt u ħarab il-gwerra f’pajjiz lejn l-Ewropa. Stqarr li f’Malta sab ambjent u poplu li laqgħuh.

“Malta, il-lingwa tagħkom qisha l-istess tagħna, meta ġejt Malta l-ewwel darba, in-nies kellmuni kif suppost u għenuni u għamlu minn kollox biex jgħinuni. Ħdimt, mxejt sew, għamilt ħajja u ssetiljajt.

Iżda minħabba li daħal Malta mingħajr passaport u talab għal status ta’ refuġjat, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati ikkunsidra t-talba tiegħu. Fl-istadju tal-appell it-talba tiegħu għall-protezzjoni umanitarja ġiet rifjutata.

Huwa jsostni li l-każ tiegħu ma ġiex preżentat tajjeb mill-avukat tal-għajnuna legali. “Lill-avukat tajtu ċertu karti importanti ħafna u lanqas tahom lill-bord tal-appell.”

Bid-deċiżjoni tilef id-dritt li jaħdem u joqgħod f’Malta. Qiegħed jgħix fil-biża’ li jintbgħat lura l-Iraq, minn fejn qal li rċieva messaġġi ta’ theddid għal ħajtu.

F’pajjizi għaddej bħalissa l-akbar gwerra fid-dinja, jekk immur hemmhekk joqtluni, ġifieiri ma taħsibx li nixtieq immur nara l-ommi u l-ohti, imma mmur biex immut għala?

Ma’ Television Malta esprima x-xewqa li jibqa’ jgħix hawnhekk mal-għarusa u l-ħbieb Maltin li għandu.

“Nixtieq ngħix ħajja ta’ bniedem, nixtieq inqum filgħodu, immur ix-xogħol, naħdem, inlesti x-xogħol tiegħi, niġi d-dar niekol, nieħu l-għarusa tiegħi, immorru l-baħar, noqgħodu nitkellmu, dik irrid għal ħajti jien. Jien ma rridx nerġa’ lura pajjiżi, jew taqsam mal-Gvern, jew joqtluk. Jekk taqsam mal-Gvern trid toqtol u taħraq.”

Biex jevita l-infern tal-gwerra fl-Iraq u ma jassoċjax ruħu mal-kriminalità, l-uniku tama li fadallu hija l-għajnuna li qiegħed jingħata minn għaqdiet volontarji biex il-każ tiegħu jerġa’ jiġi eżaminat.