Unjoni Ewropea
Imxi bil-ħeffa, ibni għat-tul: Il-ġenerazzjoni Ewropea l-ġdida

Qabel ma bdejt il-mandat tiegħi 100 jum ilu, laqatni l-kuraġġ tal-ġenerazzjoni Ewropea li jmiss – kemm fl-ispirtu kif ukoll fl-azzjoni. Nhar il-Ġimgħa, għal darb’oħra rajt u smajt b’mod ċar u tond hekk kif eluf ta’ żgħażagħ ħarġu fit-toroq ta’ Brussell jitolbu għal azzjoni urġenti għall-pjaneta tagħna.

Din il-ġenerazzjoni trid timxi bil-ħeffa – u għandha raġun. Qegħdin inħabbtu wiċċna maż-żewġ tranżizzjonijiet maġġuri – waħda ekoloġika u l-oħra diġitali. Dawn se jaffettwawna, ngħixu fejn ngħixu u nagħmlu x’nagħmlu. Se jittrasformaw il-mod kif nivvjaġġaw u l-mod kif infasslu, il-mod kif nagħmlu u l-mod kif nikkonsmaw l-affarijiet. Se joħolqu opportunitajiet ġodda għallinnovaturi, l-imprendituri u l-industrija tal-Ewropa.

Iżda hekk kif ninmbarkaw għal din it-tranżizzjoni, qed nagħmlu dan f’dinja li kull ma jmur qed issir aktar aġitata u kkumplikata. L-esperjenza riċenti tfakkarna għaliex jingħad li ġimgħa hija żmien twil fil-politika. F’dawn l-aħħar ftit jiem kont fil-Greċja u fil-Bulgarija biex nara b’għajnejja stess il-pressjonijiet fuq il-fruntieri tagħna u biex nagħti s-solidarjetà Ewropea — fl-ispirtu u f’appoġġ finanzjarju u tekniku. Dan għamilni konxju dwar il-ħtieġa li l-migrazzjoni tiġi indirizzata b’mod umanitarju, effettiv u komprensiv. Il-ġurnata ta’ qabel kont fiċ-ċentru għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet nikkontribwixxi għas-sejbien ta’ modi differenti kif l-Ewropa tista’ tgħin biex ittaffi limpatt tal-Corona Virus.

Din il-ġimgħa qed turina l-ħtieġa ta’ Ewropa aktar b’saħħitha, aktar magħquda u aktar strateġika dwar kif taħseb, taġixxi u titkellem.  Jeħtiġilna wkoll li noħolqu sħubijiet u alleanzi ġodda, bħal dik li se nniedu mal-Afrika fil-jiem li ġejjin. U jeħtiġilna nsaħħu dawk is-sħubijiet tagħna li huma aktar stabbiliti, bħalma qed nagħmlu mal-Balkani tal-Punent.

Il-Kummissjoni tinsab fuq quddiem fit-tmexxija tat-tranżizzjoni doppja f’din id-dinja li qed tinbidel. Dawn huma l-kompitu u l-opportunità tal-ġenerazzjoni tagħna. U din hija r-raġuni għaliex sa mill-bidu nett kellna r-rieda qawwija li nimxu bil-ħeffa biex nibnu Ewropa ġusta u effluwenti, ekoloġika u diġitali li se sservi għal uliedna.

L-akbar riskju għall-futur tal-pjaneta tagħna huwa li nħaddnu politiki kawti. Hu għalhekk li fost l-ewwel azzjonijiet tagħna kien hemm it-tnedija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fil-qalba tal-Patt hemm l-objettiv li sal-2050 l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Proprju din ilġimgħa pproponejna li nittrasformaw din l-ambizzjoni qawwija f’leġiżlazzjoni b’saħħitha.

Naturalment dan għandu x’jaqsam mat-treġġigħ lura tan-natura f’ħajjitna u l-qtugħ talemissjonijiet. Iżda l-Patt Ekoloġiku Ewropew jagħmel aktar minn hekk – huwa wkoll l-istrateġija l-ġdida tagħna għat-tkabbir. Se jagħti ċ-ċertezza lill-investituri filwaqt li jgħin lill-ekonomiji tagħna jikbru b’mod li aktar jikkontribwixxi lin-nies, lill-pjaneta u lis-soċjetà milli joħdilhom.

Iżda għandna naġixxu bil-ħeffa, irridu niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura. Aħna nagħrfu li t-tibdil se jkun aktar diffiċli għal uħud milli għal ħaddieħor. Għaldaqstant, ipproponejna li nwarrbu EUR 100 biljun biex niżguraw tranżizzjoni ġusta għal kulħadd – speċjalment għal dawk li se jkollhom iħabirku aktar mill-bqija. Huwa biss billi npoġġu n-nies u l-ġustizzja fuq quddiem li se nkunu nistgħu niżguraw li l-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun wieħed dejjiemi.

Fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni ta’ fiduċja, li hija wkoll il-mod ewlieni kif se nindirizzaw ittranżizzjoni diġitali. Nemmen fit-teknoloġija u x’tista’ tagħmel biex tiffaċilitalna ħajjitna – mill- kura tal-familja sal-komunikazzjoni ma’ ħbiebna. U naf x’tista’ tagħmel biex toħloq impjiegi u ħiliet ġodda u biex tgħin lill-kumpaniji Ewropej jikbru, mill-iżgħar negozju ġdid sal-akbar ġgant.

Iżda jekk l-Ewropa trid tkun mexxejja diġitali, jeħtiġilna niżviluppaw il-kapaċitajiet tagħna, kif ukoll il-liġijiet tagħna. Jeħtieġ li l-innovazzjoni u t-teknoloġiji Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu madwar id-dinja. Dan kollu jinsab fil-qalba tal-istrateġija l-ġdida dwar id-data li se tgħinna nużaw il-punti pożittivi tagħna, ninkoraġġixxu lill-kumpaniji u lill-gvernijiet jaċċessaw u jikkondividu l-ġabriet tad-data li mhumiex qed jintużaw biżżejjed. U se jgħinna nisfruttaw laħjar intelliġenza artifiċjali b’manjiera li nkunu nistgħu nafdawha kollna kemm aħna.

L-uniku mod kif se nkunu nistgħu naħtfu l-opportunitajiet taż-żewġ tranżizzjonijiet huwa billi nużaw il-punti pożittivi u d-diversità tagħna. Aħna dejjem se naħdmu favur il-ġustizzja, inħarsu l-valuri tagħna u nieħdu ħsieb l-affarijiet li huma għal qalb in-nies. Din hija r-raġuni għaliex diġà ppreżentajna strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u nedejna l-ewwel pass tal-pjan talEwropa biex nirbħu l-ġlieda kontra l-kanċer.

Allura hija l-verità, ġimgħa hija żmien twil fil-politika. Iżda 100 jum jagħtuna biss iż-żmien li nagħtu direzzjoni u biex nieħdu l-ewwel passi kbar fuq il-vjaġġ tagħna. Kif ġara l-ġimgħa li għaddiet, fil-vjaġġ tagħna se niltaqgħu ma’ intoppi u se niġu ttestjati – iżda rridu nżommu xxrara tal-ispirtu tal-ġenerazzjoni Ewropea l-ġdida mixgħula matul it-triq. Dan huwa żmienna u lvjaġġ jibda llum.

Tagħrif miġbur minn:

IrRappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

COVID-19

It-tliet deputati Nazzjonalisti Għawdxin, Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar qalu fi stqarrija li l-miżuri li tħabbru lbieraħ għall-isptar ta’ Għawdex huma fid-direzzjoni t-tajba, anke għax huma fost il-miżuri…

Aktar