Internet
Imzazen Maltin ingidmu minn reklami qarrieqa fuq Facebook

Riklami foloz fuq Facebook bi stejjer dwar kif personalitajiet Maltin saru miljunarji wara li investew flushom, huma qarrieqa. Il-Kampanja Nazzjonali għall-Għarfien u Edukazzjoni dwar is-Sigurtá Diġitali, wissiet lill-pubbliku biex joqgħod attent u ma jaqax fin-nassa ta’ dawn ir-riklami qarrieqa li jista’ jkollhom konsegwenzi finanzjarji serji.

Diversi Maltin diġà ngidmu minn dawn l-iskemi qarrieqa li qed ikunu investigati mis-Cyber Crime Unit tal-pulizija bl-għajnuna tal-Europol.

Ir-riklami qarrieqa jwiegħdu profitti kbar fi ftit ġranet għal min jinvesti fil-bitcoin, li jidher kienu lixka tajba li biha ngidmu diversi investituri Maltin.

Dan ġie kkonfermat ma’ TVM mill-pulizija li qegħdin jinvestigaw dawn ir-riklami qarrieqa li jużaw l-uċuh ta’ personalitajiet Maltin u jassoċjaw stejjer foloz magħhom ta’ kif saru sinjurin bl-investiment li għamlu.

L-Ispettur Timothy Zammit mis-Cyber Crime Unit qal li fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija, flimkien mal-Europol, bdew jinvestigaw dawn ir-riklami wara rapporti li rċevew, kemm minn personalitajiet li żżeffnu f’dawn ir-riklami, kif ukoll min oħrajn li investew flushom f’din l-iskema.

“L-indikazzjoni li għandna s’issa huma li dawn huma persuni li qegħdin ‘il barra minn xtutna u ‘l barra mill-Unjoni Ewropea. U għaldaqstant dan jagħti sfida oħra lill-Pulizija għax f’każijiet bħal dawn aħna niddependu ħafna fuq il-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi fejn ikunu jinsabu dawn in-nies,” spjega l-Ispettur Zammit.

L-Ispettur Zammit qal li riklami li jwegħdu introjtu kbir, għandhom inqanqlu suspett immedjatament f’min ikun ser jinvesti.

“Huwa importanti li meta wieħed jagħmel investiment jagħmel investiment ma’ kumpanija li hija reputabbli, li jaf min hi u li hija liċenzjata f’pajjiżna. Għaliex persuna li jkollu diffikultà jkun jista’ jirrikorri għand ir-regolatur għal rimedju. Meta persuna ma jkunx jaf ma’ min qed jiddilja, lil min qed jafda flusu għandu, ovvjament ma jistax jafda flusu għandu għal dak ir-rimedju.”

Dwar ir-riklami fuq il-Facebook, l-Ispettur Zammit qal li l-ewwel ħjiel ta’ riklam qarrieqi hija li dawn jidhru fuq paġni tal-Facebook li mhumiex relatati ma’ prodotti ta’ investiment.

“Fil-maġġoranza li jkun ġara li l-paġna tkun bdiet fuq suġġett ieħor, eżempju ‘healthy lifestyle’, meta hi tkun iġġenerat numru sostanzjali ta’ likes, dak li ngħidulu ‘like farming’, il-kontenut ta’ dik il-paġna jinbidel. U fil-fatt wieħed jinduna li kultant l-isem tal-paġna, għax ikun jirrigwarda ‘healthy lifestyle’, ikun kontradittorju għall-kontenut tal-paġna, għax filwaqt li l-paġna jkun jisimha ‘healthy lifestyle’, il-kontenut ikun relatat ma’ investimenti.”

Kif spiss jingħad, il-flus ma jikbrux fuq is-siġar, iżda faċli jintilfu minn imzazen li jibilgħu l-lixka ta’ skemi qarrieqa bħal dawn.

Aħbarijiet Oħra
Sigurtà

‘Il fuq minn ħamest elef atleta, żewġ terzi minnhom barranin, kienu fuq ix-xwiek biex għada, il-Ħadd filgħodu, jieħdu sehem fil-maratona ta’ Malta. Iżda b’xorti ħażina, il-maratona tħassret ftit tal-ħin ilu…

Lokali

F’riċerka għad-dottorat dwar il-kriminalità fil-familji Maltin, Janice Formosa Pace sabet li l-familja tista’ tkun dik li tippromwovi l-kriminalità. Kontra dak li jseħħ fl-Eworpa, f’Malta hija komuni li l-ġenituri u l-ulied…

Sport

Waqt logħba tat-Tieni Diviżjoni bejn Oratory Youths u Qala Saints, ir-referee Joseph Agius spiċċa qala’ daqqa ta’ ponn wara li ta żewġ karti sofor lil plejer tal-Qala. Il-logħba li saret…

Edukazzjoni

Il-Fondazzjoni President’s Trust kompliet tqassam tagħmir lil tfal li għandhom diffikultà bil-vista biex tgħinnhom fil-mixja edukattiva tagħhom. B’kollox il-fondazzjoni qassmet b’kemm jiswa €150,000 f’tagħmir tal-informatika lil 65 tifel u tifla….

Aktar