Kronaka
In-nar f’Ħal Luqa beda waqt xogħol fuq presepju

L-għada li dar f’Ħal Luqa inħakmet min-nar qawwi, il-komunità ta’ Ħal Luqa qamet titkellem dwar dak li għaddiet minnha l-familja Theuma, magħrufa għall-presepju li tesebixxi kull sena fi żmien il-Milied. Jidher li kien xogħol ta’ tħejjija fuq il-presepju ta’ din is-sena li kkawża n-nar.

In-nar qalil li s-Sibt filgħaxija ħakem dar fil-qalba ta’ Ħal Luqa, beda fil-garaxx tad-dar fejn Joseph Theuma kien qed jaħdem fuq presepju kbir biex ilestih fil-ħin ħalli kif jagħmel kull sena jesebieh lill-pubbliku fi żmien il-Milied. Joseph għandu 71 sena u huwa dilettant kbir tal-presepji. Hu magħruf mhux biss mal-Luqin iżda ma’ ħafna oħrajn li kull sena iżuru l-garaxx biex jaraw il-presepju. Dan id-delizzju iżda kien se jiswielu ħajtu, ta’ martu u ta’ ħabib tiegħu.

Minn tagħrif li kiseb Television Malta, jidher li waqt li kien qed idewweb il-ġablo, dan ħa n-nar, bil-konsegwenza li nfirex fuq materjal ieħor bħal kartun u żebgħa. In-nar infirex f’tebqa t’għajn mal-kumplament tad-dar.

Luqin li tkellmu magħna qalu li Joseph Theuma hu presepista prim u anke dilettant tal-festa. Qalulna li xi snin ilu hu fetaħ bħal skola tal-presepji fil-każin tas-Soċjeta Filarmonika l-Unjoni sabiex jgħallem kif isir presepju.

Fl-isptar, Joseph ġie ċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi minħabba li kellu xi ħruq. Ittieħdu l-isptar ukoll mart Joseph, li għandha wkoll wieħed u sebgħin sena li sofriet ġrieħi ħfief. Ċertifikat ukoll bi ġrieħi ħfief anzjan ieħor, ta’ 90 sena.

Ħidmet il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntemmet il-Ħadd għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu . . . tmintax-il siegħa wara li beda n-nar.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tmexxi inkjesta, fejn ħatret diversi esperti fosthom perit u espert tal-ħruq. Dawn qed jevalwaw il-ħsarat li seħħew kawża tan-nirien, fejn l-iktar ħsarat strutturali huma fid-dar tal-familja Theuma. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Hubert Cini.

Ara wkoll:

ARA: X’qal id-Direttur tas-CPD dwar in-nirien li ħakmu binja f’Ħal Luqa?

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Fil-ħin li ġej se jkunu qiegħdin jinfetħu uffiċjalment l-ewwel strutturi tal-flyovers tal-Marsa Junction Project. Dawn iż-żewġ strutturi ta’ flyovers għandhom distanza konġunta ta’ madwar nofs kilometru. Permezz ta’ dawn il-flyovers ser tinħoloq…

Lokali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum Times of Malta tippubblika ritratt tal-oġġetti sagri tal-fidda f’ħanut tal-antikitajiet li huma propjetà tal-Ordni Agostinjana li għinu lill-Pulizija jsibu ċ-ċensier u n-navetta li kienu…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li fl-14 ta’ Ottubru se jerġa’ jmur fil-Qorti Kostituzzjonali biex tinstema’ x-xhieda tal-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi u jgħidu kif ikkwotaw…

Edukazzjoni

L-għan taċ-ċentru interattiv tax-xjenza, Esplora, hu li jservi ta’ pont bejn it-teorija u l-prattika. Iċ-ċentru fil-Kalkara ppreżenta l-programm edukattiv għas-sena skolastika li ġejja lill-għalliema, li ngħataw preżentazzjoni dwar il-faċilitajiet u…

Aktar