Irtirata kawża ta’ libell li fetaħ il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Kunsilli Lokali Owen Bonnici wara li l-ġurnal in-Nazzjon talab skuża għal allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu f’artiklu ppubblikat f’April li għadda dwar inċident tat-traffiku li kien involut fih l-istess ministru.
F’dikjarazzjoni ppubblikata fil-faċċata ta’ in-Nazzjon, l-editur iddikjara li bl-ebda mod ma ried jallega li l-Ministru Owen Bonnici kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tax-xorb meta seħħ l-inċident tat-traffiku fil-bypass ta’ Santa Venera.
L-artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-10 ta’ April li għadda, kien intitolat “Il-Pulizija ma tweġibx jekk sarx breathiliser test fl-inċident ta’ Owen Bonnici”.
In-Nazzjon iddikjara li bl-ebda mod ma ried jallega li l-Ministru Dr Owen Bonnici kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb u li ma laqat lil ebda persuna bil-vettura tiegħu, iżda inċidentalment laqat karozza oħra fil-bypass ta’ Santa Venera u din il-karozza laqtet persuna li kienet wieqfa ħdejha.
In-Nazzjon aċċetta d-dikjarazzjoni li l-Ministru kkopera bi sħiħ mal-awtoritajiet li ġew fuq il-post minnufih u segwa l-proċeduri li kull ċittadin isegwi f’ċirkostanzi bħal dawn.
L-editur skuża ruħu għak kull dell ikrah li seta’ nxteħet fuq l-integrità tal-Ministru Bonici u b’hekk ġiet irtirata kawża ta’ libell li fetaħ l-istess Ministru b’rabta mal-pubblikazzjoni tal-istess artiklu.