Barranin
In-Nazzjonijiet Magħquda tgħid li l-qtil ta’ 44 immigrant fi Tripli jitqies bħala reat ta’ gwerra

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet Umani, Michel Bachelet qal li l-attakk fi Tripli, il-Libja li qatel 44 immigrant f’ċentru ta’ detenzjoni jista’ jitqies bħala reat tal-gwerra. Waqt l-attakk ftit lil hinn minn Tripli, indarbu wkoll 130 ruħ, bil-Gvern Libjan jgħid li dan l-attakk mill-ajru seħħ mill-forzi leali lejn il-Ġeneral Khalifa Haftar. Il-forzi ta’ Haftar iżda qed jgħidu li dan l-attakk seħħ mill-Gvern. Bosta minn dawk li sfaw maqtula kienu immigranti Afrikani li kienu qed jippruvaw jivvjaġġaw lejn l-Ewropa permezz tal-Libja. Fil-Libja hemm eluf ta’ immigranti miżmuma mill-Gvern f’ċentri ta’ detenzjoni.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres qal li jinsab inkwetat ferm b’dan l-attakk u talab li ssir investigazzjoni indipendenti biex min hu ħati għal dan il-qtil jaffaċċja proċeduri legali.