Immigrazzjoni
In-Nazzjonijiet Uniti twissi dwar iż-żieda fl-immigranti li qed jegħrqu fiċ-ċentru tal-Mediterran

L-aġenzija fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li taħdem b’risq ir-refuġjati (UNHCR) qalet li s’issa l-2021 rat id-doppju tal-immigranti li għerqu fil-parti ċentrali tal-Mediterran meta mqabbel ma’ dawk li tilfu ħajjithom is-sena li għaddiet.

Fil-Mediterran huma tlieta r-rotot meqjusin l-iktar komuni fit-traffikar tal-immigranti b’dik ċentrali tinkludi z-zona li fiha Malta u l-Italja.

Iż-żewġ rotot l-oħra huma dawk fil-Punent tal-Mediterran, in-naħa ta’ Spanja, u tal-Lvant tal-imsemmi baħar fejn hemm il-Greċja.

L-UNHCR qalet li s’issa mietu żgur madwar 500 immigrant waqt li kienu qed jaqsmu l-parti ċentrali tal-Mediterran u wissiet li n-numru mistenni jikber matul is-sena.