Persuni b'diżabilità
In-nefqa fil-budget għall-benefiċċji soċjali se tqarreb l-€1,200 miljun

Il-Ministru għas-Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li n-nefqa fuq benefiċċji soċjali mħabbra għall-budget tas-sena d-dieħla se tqarreb il-€1,200 miljun bil-maġġoranza tagħhom se tmur fuq pensjonijiet lil madwar 95,000 pensjonant.

F’ħarsa lejn il-miżuri mħabbra nhar it-Tnejn, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li l-Budget 2022 huwa l-iktar wieħed b’saħħtu għas-settur tad-diżabiltà b’żieda ta’ €8 miljun fuq din is-sena.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, is-Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-budget għas-sena d-dieħla huwa wieħed soċjali b’nefqa għal dan il-qasam għas-sena d-dieħla li se tkun ta’ €1.2 biljun.

F’laqgħa mal-pensjonanti l-Ministru Falzon qal li fl-aħħar 9 snin il-pensjoni żdiedet bi €28 minbarra ż-żieda tal-ħajja u spjega li din id-darba ż-żieda ta’ €5 tinkludi l-għoli tal-ħajja li nghatat lil 95,000 persuna.

Dan ifisser li fl-aħħar 4 snin l-pensjoni żdiedet b’€25 meta tinkludi l-għoli tal-ħajja li tikkuntrasta ħafna mal-20 sena ta’ gvernijiet Nazzjonalisti li qatt ma żiedu l-pensjoni ħlief li jingħata l-kumpens għall-għoli tal-ħajja.

Il-Ministru Falzon qal li l-miżura tas-sena l-oħra għal dawk li m’għandhomx 10 snin bolol waslet biex mat- 800 ruħ issa qed jingħataw il-pensjoni filwaqt li ma’ dawn din is-sena se jiżdiedu 1,200 oħra bl-ispiża għal din il-miżura se tkun ta’ €3.2 miljuni.

Huwa fakkar li l-pensjonanti qed igawdu minn diversi miżuri oħrajn fosthom żidiet l-għajnuna għall-carer u anke l-mediċini b’xejn flimkien mal-għajnuna supplimentari. Il-Ministru Falzon qal li l-Gvern qed iħares lejn dawk l-aktar vulnerabbli biex jingħataw l-għajnuna meħtiega li tant ghandhom bżonn.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli sostniet li l-budget iddedika aktar minn €59 miljun għall-inkluzjoni li €50 miljun minnhom se jintefqu għall-qasam tad-diżabilità.

Hija qalet li dan kien budget li sejjes il-ġustizzja soċjali għax żied l-allokazzjoni għal dan il-Ministeru bi €8 miljun oħra.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-allowance tat-tfal b’diżabilità żdiedet b’€5 tant li din se titla’ għal €1,560 fis-sena li huwa d-doppju meta mqabbla mas-sena 2013.

Hija spjegat li matul is-sena li ġejja kull skola tal-Gvern se tkun mgħammra għall-persuni bl-awtiżmu u anke b’apparat għal-lingwa tas-sinjali.

Se tinghata għajnuna psikoloġika lill-persuni b’diżabilità u anke se tkompli l-garanzija li jagħti l-Gvern lil dawk il-persuni b’diżabilità jew persuni li minn mard serju biex ikunu sidien ta’ darhom.

Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li l-persuni b’diżabilità ghandhom jingħataw opportunità biex ikunu indipendenti f’kull qasam fosthom fis-sewqan tant li se tinghata għajnuna biex dawn jitgħallmu anke jekk qegħdin fuq is-siġġu tar-roti.

Dwar iż-żgħażagħ qalet li nlaqgħet tajjeb ħafna ż-żieda ta’ 10% fl-istipendju u li dawn jistgħu jaħdmu sa 25 siegħa fil-ġimgħa mingħajr ma jitneħħilhom l-istipendju.