Budget2021
In-nefqa għall-pensjonijiet u benefiċċji għall-anzjani żdiedet b’€50 miljun

In-nefqa tal-Gvern għall-pensjonijiet u l-benefiċċji għall-anzjani għall-baġit 2021 żdiedet b’aktar minn €50 miljun. Permezz taż-żieda fil-pensjonijiet, b’żieda ta’ €260 fis-sena, se jibbenefikaw 93,000 pensjonant. Barra minn hekk, il-Gvern qed jonfoq €2.7 miljun iktar għall-anzjani li għandhom pensjoni baxxa u dawk li qegħdin f’riskju ta’ faqar. TVM tkellem mas-segretarju permanenti fil-Ministeru tal-familja Mark Musu’ li spjega li mis-sena 2017 lil hawn, l-pensjonanti bbenefikaw minn żieda ta’ kważi €600 fis-sena.

Mis-sena d-dieħla, 93,000 pensjonant se jibbenefikaw minn żieda fil-pensjoni ta’ €5 fil-ġimgħa. Is-segretarju permanenti fil-Ministeru tal-familja Mark Musu’ qal li kull pensjonant se jingħata żieda ta’ €260 fis-sena, jiġifieri kemm pensjonanti tal-irtirar, pensjoni tar-romol, dik tal-invalidita’, kif ukoll dawk li jirċievu pensjoni mhux kontributorja. Is-Sur Musu spjega ma’ TVM li dan mhux l-uniku benefiċċju li se jaraw fi bwiethom il-pensjonanti, għax bil-baġit 2021, se jiżdied l-ammont ta’ pensjoni mhux taxxabbli għal €14,058. Iżda mhux biss, qal li pensjonanti li għandhom kompjutazzjoni ta’ miżżewwġin, l-ammont mhux taxxabbli se jitla’ għal €17,658.

“Jekk inti tkun b’kompjutazzjoni ta’ miżżewwġin, qabel dawn kellhom an additional €2,000 li ukoll mhumiex taxxabbli, dak l-ammont qed jiżdied għal €3,600”.

Is-Sur Musu spjega l-għajnuna supplimentari għal dawk b’pensjoni baxxa se tiżdied bejn 70 u 108 ewro fis-sena, liema żieda se taffettwa 29,000 anzjan. Aktar minn hekk anzjani li qegħdin f’riskju ta’ faqar, li għandhom ‘il fuq minn 65 sena, se jingħataw suppliment addizzjonali ta’ €150. Biex iktar anzjani jibqgħu fil-komunità flok imorru fi djar tal-anzjani, il-budget ħaseb biex iżid il-benefiċċju għall-anzjani li jġibu carer jieħu ħsiebhom f’darhom, miżura li se tfisser żieda fin-nefqa lill-Gvern ta’ €2 Miljun.

“Sal-lum konna qed nissusidjaw €5,291 għall-ispiża tal-carer, issa se nagħtu €6,000 żieda ta’ kważi €700 fis-sena”.

Is-Sur Musu qal li dan il-baġit ħaseb ukoll f’dawk l-anzjani li m’għandhomx pensjoni, b’anzjani li jkunu ħallsu inqas minn 5 snin bolol se jibdew jieħdu bonus ta’ €250, u dawk li ħallsu iktar minn 5 snin, se jingħataw bonus ta’ €350. Is-Sur Musu spjega li dan il-baġit wettaq ukoll ġustizzja ma’ dawk l-anzjani nisa li twieldu qabel l-1962 u ma jikkwalifikaw għal ebda pensjoni, biex issa bl-aġġustamenti li saru, jibdew jieħdu pensjoni minima mnaqqsa. Is-Sur Musu qal li l-baġit qed se jkompli jsewwi inġustizzji tal-ħaddiema tas-servizz, b’żieda ta’ €200 fl-ammont tal-pensjoni tas-servizz, filwaqt li jekk jormol anzjan li kien f’unjoni ċivili jew f’koabitazzjoni se jieħdu l-benefiċċju tar-romol ukoll.

Minbarra l-pensjonijiet, is-Sur Musu’ irrefera għal numru ta’ miżuri oħra tal-baġit b’żieda ta’ sodod f’San Vincenz de Paule, u fid-djar tal-anzjani privati, tisħiħ fis-servizzi għall-anzjani fil-komunita’ u Tal-linja card bla ħlas għal kull min għalaq 70 sena.