Budget2021
In-nefqa soċjali fil-budget se titla’ kważi €2 biljun

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Familja, Mark Musu’ qal li għas-sena d-dieħla huwa previst li n-nefqa soċjali tal-Gvern se titla’ għal kważi €2 biljun.

Din l-għajnuna li minnha jgawdu famijli, tfal, pensjonanti u persuni vulnerabbli tfisser żieda ta’ 90 miljun ewro fil-budget tas-sena d-dieħla, meta mqabbel mal-benefiċċji soċjali mogħtija din is-sena. Din iż-żieda se tkun riflessa fi €3 miljun iktar f’children’s allowance, li minnha se jibbenefikaw ‘il fuq minn 40,000 familja.

Għas-sena d-dieħla, familji bi dħul baxx u medju se jkollhom iktar għajnuna b’miżuri mmirati apposta għalihom li tħabbru fil-Budget ippreżentat mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Ic-children’s allowance se tiżdied bejn €50 u €70 għal kull wild, bis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Familja Mark Musu’ jispjega ma’ TVM kif il-familji se jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura.

“Dan ifisser li b’din il-miżura se jgawdu l-familji kollha li jieħdu c-childrens allowance, li jfisser li f’każ ta’ żewġt itfal jekk id-dħul ma jaqbiżx il-25,300 se jieħdu €140 extra, filwaqt li l-oħrajn li jaqilgħu iktar jieħdu €100”.

Is-Sur Musu’ qal li bil-għan li jsostni iktar familji bi dħul baxx jew medju, il-Gvern kompla jsaħħaħ l-in-work benefit, li sa issa qed igawdu minnu 3,000 familja. Il-Budget se jestendi dan il-benefiċċju għal koppji li jaħdmu it-tnejn, u jaqilgħu sa €35,000, ġenituri waħidhom li jaħdmu se jibbenifikaw mill-inwork benefit jekk ma jaqilgħux iktar minn €23,000 u koppji fejn jaħdem ġenitur wieħed, jieħdu l-benefiċċju jekk għandhom dħul sa €26,000.

Wara li din is-sena persuni b’diżabiltà severa bdew jieħdu l-paga minima għax ma jistgħux joħorġu jaħdmu, il-budget tas-sena d-dieħla se jippermetti li ġenituri ta’ dawn it-tfal li għandhom iktar minn sittax-il sena jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb lil uliedhom. Biex jikkumpensahom, il-Gvern se jagħtihom €300 fis-sena. Is-Sur Musu qal li l-Gvern kompla jżid is-sostenn lill-familji li jiffosterjaw lit-tfal, li sas-sena li għaddiet kienu jammontaw għal 217-il familja.

“Jiġifieri hawnhekk se jkun qed iżid l-ammont b’€520 fis-sena, u issa it-totali, €5,720 fis-sena jiġifieri €110 fil-ġimgħa”.

Wara li fl-2018 il-Gvern ntroduċa għajnuna ta’ €10,000 għal kull familja li tadotta wild minn barra l-pajjiż, miżura li bbenefikaw minnha 34 koppja u ġenituri waħidhom, fil-Budget tas-sena d-dieħla l-Gvern ħaseb biex jimmotiva koppji biex jadottaw tfal minn Malta stess. Għal dan il-għan se tingħata għajnuna sa €1,000 biex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-proċess tal-adozzjoni.