In-nies “l-għajnejn u l-widnejn” biex jinstabu tfal nieqsa

Il-pubbliku jista’ jkun l-għajnejn u l-widnejn biex tfal irrapportati nieqsa u li jkunu fil-periklu, jinstabu malajr kemm jista’ jkun.

Dan qalu Charlie Hedges, rikonoxxut bħala wieħed mill-esperti ewlenin tar-Renju Unit dwar it-tfal neqsin jew maħtufin, meta fl-aħħar jiem kien Malta biex jipprovdi taħriġ lil numru ta’ Pulizija fuq każijiet li jinvolvu tfal nieqsa li jkunu jinsabu fil-periklu.

Hedges sostna li meta t-tfal ikunu rrapportati nieqsa, huwa importanti li l-Pulizija tagħmel kuntatt mal-pubbliku sabiex iġġib informazzjoni siewja. Spjega li l-Pulizija trid tagħmel evalwazzjoni tar-riskju magħrufa bħala ‘triage’, u li r-rispons tal-bidu huwa kruċjali għall-każ.

Tkellem ukoll fuq l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni transnazzjonali, u għalhekk huwa qal li nħolqot network informali ta’ esperti Ewropej f’pajjiżi differenti, fejn dawn l-esperti jaqsmu bejniethom l-informazzjoni li għandhom fuq każijiet ta’ minuri ta’ din in-natura.

Fl-aħħar jiem, il-Pulizija Maltija wkoll ngħaqdet ma dan in-Netwerk tal-Pulizija dwar it-Tfal Neqsin fi ħdan l-AMBER Alert Europe.