Ambjent
“In-nirien fil-Maqluba għamlu ħsarat kbar fl-ekosistema tal-post” – espert fil-biodiversità

Wara li f’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi u għal diversi jiem ma kinux ntfew għalkollox, l-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, qal li l-ħsara li saret m’hijiex biss fis-siġar li nħarqu, imma wkoll fl-ekosistema tal-post. Is-sur Baldacchino appella biex zoni ta’ protezzjoni għas-siġar, kif inhi l-Maqluba tal-Qrendi, ma jkunux protetti biss fuq il-karta.

F’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi. TVM hu infurmat li fire engine li kienet diġà fil-qrib minħabba li kien qed jinħaraq il-logħob tan-nar tal-festa ta’ Santa Marija fil-Qrendi marret immedjatament fuq il-post u ftit wara marru għadd ta’ fire engines oħra. Madankollu, in-nar kien laħaq infirex ġmielu u għal tliet ijiem ma kienx intefa għalkollox. Il-Maqluba hija kkunsidrata zona ta’ protezzjoni għas-siġar u żona speċjali ta’ konservazzjoni.

Dan għaliex fost oħrajn għandha ekosistema unika b’siġar bħal dik tar-rand u tal-Għargħar, pjanti u ħxejjex rari bħax-Xebb. Barra minnhekk, f’dan il-post ibejjet l-għasfur nazzjonali, il-Merill. Fi stqarrija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA qalet li fuq dan il-każ kienet qed taħdem il-ħin kollu mal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija. Sostniet li mill-ewwel informazzjoni jidher li xi siġar protetti nħarqu, iżda l-biċċa l-kbira tal-ħsara saret fuq il-qasab li hi speċi invażiva. L-ERA qalet li l-pulizija qed tinvestiga minn fejn inħaraq in-nar tal-Qrendi biex ikun stabbilit x’wassal għal dan l-inċident.

L-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, sostna li l-ħsara ma saritx biss fis-siġar iżda fil-biodiversità tal-Maqluba.

Alfred qal li “pereżempju l-qasab huma ekosistema żgħira li fuhom kienu jiddependu numru ta’ rettili, insetti, bħall-friefett, baħrijiet, ħanfus u anke mammiferi forsi anke xi ġurdien geddumu twil hemm isfel, jiġifieri l-ħsara hija ikbar milli tidher… Dan juri li mhux biżżejjed li tipproteġi ż-żoni fuq il-karta biss. Fuq il-karta hija l-iktar ħaġa ħafifa li tipproteġih bħalma hija l-Maqluba li hija mħarsa sew għax hija żona importanti ekoloġika. Hija importanti wkoll li timmanniġġja u wieħed jara x’qed jiġri li dan il-ħruq jista’ jkun kemm b’aċċident kif ukoll b’intenzjoni l-ħsara xorta saret.”

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku wera t-tħassib tiegħu għal dan il-każ. Sostna li x-xjenza tal-piroteknika f’Malta hi tradizzjoni qawwija u sabiħa li titlob dedikazzjoni. Qal li l-kmamar tan-nar iħallsu għas-servizzi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili waqt avvenimenti pirotekniċi u tibqa’ responsabbilità sħiħa tad-Dipartiment biex jipprovdu sigurtà għall-ħajja, propjetà, u l-wirt naturali u kulturali tal-pajjiż.

Nature Trust Malta qalet li tinsab imħassba b’dak li seħħ fil-Maqluba li huwa sit ta’ Natura 2000. Appellat lill-pubbliku biex ikun kawt meta juża tagħmir li jista’ jikkawża nirien u biex jirrapporta lill-awtoritajiet mill-ewwel meta jkun hemm dan in-nar.

Ara wkoll:

In-nirien fil-Maqluba għadhom ma ntfewx – il-Pulizija tinvestiga minn fejn inħaraq in-nar

Aħbarijiet Oħra
Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn…

Parlament

Laqgħa imqanqla tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ġiet sospiża wara li ntalbu żewġ rulings differenti mill-Ispeaker fuq jekk xhud għandux jitħalla jaqra dikjarazzjoni qabel isirulu l-mistoqsijiet. Il-Kumitat kellu jisma’ x-xhieda tad-deputat…

Lokali

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed iwissu dwar xorb tal-lumi tad-ditta Piacelli Citrilemon. Fi stqarrija ntqal li wara li saru iktar investigazzjonijiet, instab li l-imsemmi prodott fih sulfati li mhumiex iddikjarati fuq it-tikketta. Lemon…

Aktar