Barranin
In-nisa fl-Afganistan qed jitħallew jaħdmu biss fl-isptarijiet

Il-ħajja fl-Afganistan bdiet taġġusta għat-tmexxija mill-Gvern tat-Taliban, li hija bbażata fuq ir-reliġjon Musulmana u l-liġi tax-Sharia.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Abdul Baqi Haqqani, ħabbar li n-nisa ser ikunu qegħdin jitħallew jistudjaw fl-Università, iżda mhux ser ikunu qegħdin jitħalltu mal-irġiel fl-istess klassi.

Barra minn hekk, b’differenza mill-aħħar snin, l-istudenti nisa jridu jilbsu il-hijab u l-għalliema tagħhom iridu jkunu nisa. Fejn dan mhux possibbli, it-tagħlim ser isir minn raġel li jkun wara purtiera jew permezz tal-video conferencing.

Il-futur tat-tagħlim fl-iskejjel taħt it-Taliban ħoloq inċertezzi kbar malli ħadu r-riedni tal-Afganistan. Madankollu, id-deċiżjonijiet f’dan ir-rigward qegħdin jitqiesu bħala indikazzjoni li t-tmexxija tat-Taliban inbidlet xi ftit għall-aħjar minn kif kienet fis-snin 90.

Studenta fl-Università privata ta’ IBN SINA fl-Afganistan saħqet li m’għandux ikun hemm xkiel fl-edukazzjoni. “Do not create problems and challenges in the field of education, so that we can carry on with our activities in the field of education and employment like we used to in the past.”

Madwar l-Afganistan qiegħed jiġi rrapurtat li l-uniku post fejn qegħdin jitħallew jaħdmu n-nisa huwa fl-isptarijet. In-nisa mhumiex jitħallew isuqu jew joħorġu barra mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn raġel.

Television Malta tkellem mal-lettur Dr Maria Pisani, li tispeċjalizza fl-istudji tal-fenminiżmu fl-Università ta’ Malta.

Hija qalet li dawn il-limitazzjonijiet fuq il-libertajiet tal-mara huma diffiċli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, speċjalment wara li għexu f’soċjetà li kienet tħaddan il-libertà tal-espressjoni, u sistema miftuħa tal-edukazzjoni.

“This for us would raise a number of questions about the quality of education, not just for women but also for men as well, and in the degree to which learning can be inclusive critically engaged, but of course it also raises questions about funding, who is teaching, how these people are teaching, what is being thought, and learnt, and then how this feeds into the broader context of governing the country, who takes the decisions, what perspectives are being used and the degree to which different ideas are informed in a government of a nation.”

Dr Pisani qalet li l-miżuri li daħlu fis-seħħ fl-Afganistan huma indikazzjoni li l-ħajja fl-Afganistan ser tiġi aktar ristretta u li l-ħajja tal-mara f’dan il-pajjiż ser titlef dak li kisbet fl-aħħar snin.

Hija żiedet tgħid li biex soċjetà miftuħa tiffunzjona fl-interess tal-poplu kollu, huwa essenzjali li kull persuna jkollha l-istess drittijiet mingħajr differenzi.