Lokali
In-nisa f’Malta għenu b’mod qawwi biex żdiedu n-nies fis-suq tax-xogħol

In-nisa f’Malta kellhom sehem importanti ħafna biex f’perjodu ta’ sitt snin, il-persuni fis-suq tax-xogħol f’Malta żdiedu minn 68.8% fl-2015 għal 77.1% fl-2020.

Dan joħroġ minn għadd ta’ indikaturi ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar is-suq tax-xogħol f’Malta bejn l-2015 u l-2020 u kif dawn jitqabblu mal-livelli rreġistrati fis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea.

L-NSO qal li fis-sena tal-pendemija, ir-rata tax-xogħol f’Malta għall-persuni bejn l-20 u l-64 sena kienet ta’ 77.3% u qabżet il-mira Ewropea ta’ 70%.

Qal li s-settur tas-servizzi kien l-ikbar kontributur għaż-żieda fir-rata tax-xogħol matul dawn is-sitt snin.

Joħroġ ukoll li r-rata ta’ nies attivi żdiedet b’mod qawwi, l-aktar fost in-nisa u fost dawk li għandhom bejn 55 sena u l-64 sena. Fil-fatt waqt li r-rata ta’ attività tal-irġiel f’dawn is-sitt snin żdiedet bi 3.9%, dik tan-nisa ttriplikat għal 12.1%.

L-NSO żied jgħid li r-rata ta’ qgħad f’Malta fl-2020 kienet ta’ 4.4%, jiġifieri 2.7% inqas mill-medja Ewropea ta’ 7.1%. Żied jingħad li matul is-sena l-oħra, sitta minn kull mitt żagħżugħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena kienu mingħajr xogħol.

Fl-istess waqt l-għadd ta’ żgħażagħ li ma kinux f’impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ kienu jammontaw għal 9.3% matul l-2020. Din iċ-ċifra kien taħt il-medja tal-UE ta’ 11.1 fil-mija.

Ir-rata ta’ dawk li telqu mill-iskola fl-2020 kienet ta’ 12.6%, fejn ġie rreġistrat tnaqqis matul dawn l-aħħar sitt snin. Madankollu r-rata baqgħet ’il fuq mill-mira Ewropea ta’ 10%.

L-istħarriġ tal-NSO wera wkoll żieda kostanti fl-għadd ta’ persuni ta’ bejn it-30 u l-34 sena b’livell ta’ edukazzjoni terzjarja bejn l-2015 u l-2020. Matul din is-sena, ir-rata kienet ta’ 39.8% u qabżet il-mira nazzjonali Ewropea ta’ 33%.