Saħħa
In-nisa Maltin fost l-inqas fl-UE li jagħmlu t-test tas-sider

Minkejja l-kampanji li jsiru b’mod partikolari matul dan ix-xahar biex jitqajjem aktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider, jirriżulta li n-nisa Maltin baqgħu fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea li jilqgħu l-istdena li ssirilhom mill-awtoritajiet tas-saħħa biex imorru jagħmlu t-test tas-sider magħruf bħala mammografija.

Il-mammografija huwa t-test tas-sider li jsir permezz tal-X-ray.

Ċifri tal-Eurostat juru li fl-2019 kienu 61% tan-nisa f’pajjiżna li għamlu dan it-test meta l-medja fl-UE kienet ta’ 66%.

In-nisa Żvediżi kienu l-iktar li marru jagħmlu t-test b’95% segwiti minn dawk Finlandiżi b’92% u d-Daniżi bi 82%.

Ir-Rumeni kienu l-iktar nisa li ttraskuraw b’9% biss marru jagħmlu t-test segwiti minn dawk Bulgari u Estoni b’36% u 44% rispettivament.

Il-Professur Christian Scerri kien stqarr ma’ tvm.com.mt li l-aktar kanċer komuni f’Malta huwa tas-sider, b’madwar 300 każ ġdid fis-sena. “Fil-kanċer tas-sider illum hemm suċċess tajjeb ħafna. Bħala rata, aħna dejjem nitkellmu bħala ‘survival’ jiġifieri fejqan ukoll, qed nitkellmu qisna rata ta’ 87% tal-kanċer tas-sider illum qed jgħixu.”

“Nofs il-każijiet ta’ kanċer f’Malta jistgħu jiġu evitati” – Prof Scerri