Turiżmu
In-nuqqas ta’ ħaddiema fost l-ikbar sfidi tas-settur turistiku – l-MHRA

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, qal li għas-settur turistiku s-sena d-dieħla mistennija tkun aħjar mis-sena li għaddiet, iżda xorta waħda mhux fl-istess livelli tal-2019, jiġifieri s-sena ta’ qabel il-pandemija tal-Covid-19.

F’kummenti maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet, is-Sur Zahra identifika għadd ta’ sfidi li qed jaffaċċja s-settur turistiku, fosthom ta’ nuqqas ta’ ħaddiema, waqt li saħaq dwar l-importanza tal-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta, għal pajjiżna.

Hekk kif pajjiżna ħiereġ minn pandemija, jidher li s-settur turistiku wkoll qed jirkupra, tant illi fi kliem il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandi, l-MHRA Tony Zahra, is-sena d-dieħla mistennija tkun aqwa minn din is-sena – anke jekk mhux fl-istess livelli tal-2019, qabel il-pandemija.

Waqt il-Forum Nazzjonali tat-Turiżmu, is-Sur Zahra semma l-isfidi li mistenni jaffaċċja s-settur is-sena d-dieħla, u b’liema mod se jkunu qed jinbidlu f’opportunitajiet. Għas-Sur Zahra l-ikbar gambetta għas-settur jaf tkun in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-ospitalità.

“Waħda mill-akbar sfidi li għandna hija n-nuqqas ta’ nies li jaħdmu fl-industrija, partikolarment ħaddiema Maltin. Irridu mmorru lura għall-ospitalità… ospitalità hija fejn tagħti lil dak li jkun servizz tajjeb.” spjega s-Sur Zahra.

Matul il-forum għadd ta’ kelliema enfasizzaw il-bżonn li l-Gvern u l-operaturi turistiċi jingħaqdu fi sforz kollettiv biex jimmodernizzaw għadd ta’ żoni turistiċi, minħabba li ilhom li saru lura fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. Is-Sur Zahra qal li dan huwa importanti ferm sabiex iż-żoni turistiċi ta’ pajjiżna jibqgħu rilevanti.

“Li wieħed iġedded l-operazzjoni tiegħu, jew il-pajjiż tiegħu hija xi ħaġa li trid tagħmilha u trid tagħmilha l-ħin kollu.. u l-investiment irid ikun hemm.. fil-manutenzjoni, fit-tiġdid… u dan allura jżomm il-prodott frisk u ta’ kwalità li jatratta iktar nies ta’ kwalità li jonfqu l-flus.”

Mistoqsi dwar l-Air Malta, is-Sur Zahra qal li l-fatt li pajjiżna għandu l-linja tal-ajru nazzjonali hija importanti ħafna għall-operat tat-turiżmu ta’ pajjżina.