Politika
Inaċċettabbli li għall-ħatra tal-President u tal-Prim Imħallef l-aħħar kelma dejjem tkun tal-Gvern – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ bħala inaċċettabbli l-fatt li kemm fil-każ tal-ħatra tal-President kif ukoll tal-Prim Imħallef, l-aħħar kelma dejjem se tkun tal-Gvern.

Fi stqarrija minn tliet kelliema tal-Partit Nazzjonalista inkluż il-Kelliem għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali Chris Said, intqal li dan imur kontra dak li stqarr pubblikament il-Gvern.

L-istqarrija qalet li l-Oppożizzjoni dejjem sostniet li l-ħatra tal-President dejjem għandha ssir b’żewġ terzi tal-Parlament, kif isiru dawk tal-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards, liema karigi qal il-Partit Nazzjonalista, dejjem imtlew taħt amministrazzjonijiet differenti mingħajr problemi.

Intqal li l-Oppożizzjoni ma kinitx ikkonsultata dwar diversi punti li joħorġu mill-abbozzi pubblikati u dan minkejja ftehim dwar ir-Riforma Kostituzzjonali li l-Gvern kien se jikkonsulta mal-Oppożizzjoni.