Annimali
“Inaċċettabbli li toħroġ lill-kelb mingħajr ċinga”

Bil-liġi ebda kelb m’għandu jitħalla barra mingħajr ma jkun biċ-ċinga. Dan qalitu lil TVM il-Kummissarju tal-Annimali Alison Bezzina b’reazzjoni għall-inċident li seħħ f’Ta’ Qali, fejn kelb attakka u darab omm u binha kellhom jispiċċaw l-isptar għall-kura.

Donald Cutajar, li ilu ‘l fuq minn erbgħin sena jħarreġ il-klieb, saħaq li huwa inaċċettabli li sidien ta’ klieb joħorġuhom bla ċinga u jħalluhom jiġru waħidhom. Appella wkoll lill-ġenituri biex ma jħallux lil uliedhom jersqu lejn klieb biex jevitaw inċidenti ta’ din ix-xorta.

Mara u żewġ uliedha li kienu qed jagħmlu l-eżerċizzju malajr sabu ruħhom l-isptar wara li spiċċaw attakkati minn kelb li kkawżalhom diversi ġrieħi. L-inċident seħħ nhar il-Ħamis fil-park f’Ta’ Qali, bl-omm u binha ta’ 6 snin isofru diversi ġrieħi.

F’kummenti ma’ TVM, Donald Cutajar li jħarreġ il-klieb qal li hemm ħafna fatturi li jwasslu biex kelb jattakka persuna. Saħaq li huwa inaċċettabli li persuna tħalli l-kelb mingħajr ċinga. Qal li każ bħal dan faċli jiġi evitat bi ftit sens komun bejn iż-żewġ partijiet. Mingħajr ma daħal fil-mertu tal-każ, qal li r-responsabilità mhix fuq il-kelb innifsu, iżda fuq sidu, u fuq il-ġenituri tat-tfal.

“Meta s-sid qed jara l-kelb javviċina lil xi ħadd, għandu jaġixxi b’responsabilità, biex ma ngħidux il-kelb huwa l-ħtija ta’ kollox. Il-ġenituri wkoll, jekk qed jaraw it-tifel javviċina kelb, għandhom iżommuh, u anke bħala sid il-kelb, irid jinforma lill-ġenituri tat-tifel.”

Spjega li llum hawn ħafna x’wieħed jista’ jagħmel biex jikkontrolla l-kelb tiegħu. “Jista’ jgħallem il-klieb tiegħu biex ikollhom iktar kontroll… tattendi għal klassijiet ta’ ubbidjenza bażiċi, per eżempju, biex b’hekk tibqa’ dejjem bil-kontroll.”

Ikkuntattjata minn TVM, il-Kummissarju għall-Annimali Allison Bezzina, waqt li esprimiet is-sogħba għal dan l-inċident, qalet li jekk f’dan il-każ jinqabad il-kelb u s-sid li wettqu l-agressjoni, jispiċċa biex jeħel il-kelb. Qalet li din hija sfortuna kbira, minħabba li fi kliemha, ir-responsabilità assoluta f’dan il-każ hija fuq is-sid.

Is-Sinjura Bezzina żiedet tispjega illi kulħadd għandu jara li jimxi mal-liġijiet preżenti, dik li ebda kelb, żgħir kemm hu żgħir, m’għandu jitħalla mingħajr ċinga f’post pubbliku.

Ara wkoll:

“Għal ftit ma qatilx lil marti” – kelb jattakka lil omm u binha f’Ta’ Qali