Inawgurat Betlehem f’Għajnsielem

Inawgurata llejla f’Għawdex is-sitt edizzjoni ta’ Betlemm f’Ghajnsielem, il-presepju ħaj li joffri esperjenza unika tal-ġrajja tat-twelid ta’ Gesu Bambin.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ġiet inawgurata mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro.

Il-Kumitat Organizzativ magħmul mill-Kunsill Lokali t’Għajnsielem, il-Ministeru t’Għawdex, il-Parroċċa Madonna ta’ Loretu u l-għaqdiet mhux governattivi t’Għajnsielem ilu għal dawn l-aħħar xhur jipprepara għal dan l-avveniment li ta’ kull sena jiġbed eluf ta’ viżitaturi.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se jkollha attrazzjonijiet ġodda.

Din is-sena il-Forti Chambray se tinbidel f’villaġġ tar-Rumani filwaqt li l-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jitilgħu fuq dgħajsa li se tkun mixja tul ix-xmara.

Se tirritorna wkoll il-lukanda li se jkollha tliet kmamar għal kiri fejn wieħed jista jgħix l-esperjenza tal-ħajja iktar minn 2,000 sena ilu.

Fil-presepju ħaj fil-medda Ta’ Passi f’Għajnsielem se jiehdu sehem iktar minn 150 attur.

Betlemm f’Ghajnsielem ikun animat kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u festi pubblici bil-qofol tiegħu jintlaħaq il-Ħadd l-4 ta’ Jannar bil-migja tas-slaten Magi.