Saħħa
Inawgurat dipartiment tal-X-ray f’San Vinċenz għar-residenti u anzjani oħra

B’investiment ta’ aktar minn miljun u nofs ewro, f’San Vinċenz de Paule ġie inawgurat dipartiment tal-X-Ray b’faċilitajiet mill-aktar moderni li se jkunu disponibbli mhux biss għar-residenti, iżda wkoll għal anzjani oħrajn.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan id-Dipartiment, Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul, Josianne Cutajar, qalet illi b’investiment bħal dan, il-livell ta’ kura f’San Vinċenz se jkun dejjem qed jiżdied.

“Ħa jkun servizz fejn bih ir-residenti tagħna bih jiġu investigati, jevitaw illi joqgħodu jmorru Mater Dei, għaliex bih imbagħad it-tobba u l-professjonisti jkunu jistgħu jagħtu trattament mill-ewwel… apparti r-residenti dan se jkun miftuħ għal anzjani oħra fil-komunità.”

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, qal li dan huwa pass ieħor biex San Vinċenz de Paule jiġi stabbilit bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-kura tal-anzjani bl-aqwa teknoloġija disponibbli għall-professjonisti mediċi.

Il-Ministru Farrugia qal li d-dipendenza ta’ anzjani fuq is-servizzi tas-saħħa qiegħda dejjem tiżdied, u għaldaqstant, kull investiment li jsir fil-qasam tal-kura tal-anzjani jġorr miegħu diversi benefiċċji, kemm għalihom personali kif ukoll biex tonqos l-istennija fuq l-Isptar Mater Dei u faċilitajiet oħrajn fejn tingħata kura medika.

Matul is-snin li għaddew, San Vinċenz de Paule ra ammont sostanzjali ta’ investiment infrastrutturali, flimkien ma’ titjib fis-servizzi. Dan l-investiment wassal lill-entità biex tistabbilixxi ġerontoloġija speċjalizzata b’għadd ta’ servizzi.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li t-taqsima moderna tar-radjoloġija hija kruċjali biex tippromwovi l-mediċina preventiva, tidentifika dijanjosi sa minn kmieni u toffri aċċessibilità għar-residenti tagħha kif ukoll għal anzjani oħrajn.

Huwa fakkar li l-persuni li jiddaħħlu f’San Vinċenz de Paul huma l-aktar vulnerabbli, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, u dan iżid id-domanda għal aktar servizzi moderni. Il-magni huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija, b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ radjazzjoni u kompletament diġitali u jiffaċilitaw ix-xogħol għar-radjoloġisti.