Saħħa
Inawgurat iċ-Ċentru ġdid tas-Saħħa f’Ħal Kirkop

Inawgurat iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Kirkop li sar b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro, u li se jibda jilqa’ lin-nies mill-ġimgħa d-dieħla. Fl-inawgurazzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qalu li l-investiment tal-Gvern taċ-ċentru tas-saħħa fil-komunità ser jissokta bi proġetti, fost oħrajn, fil-Gżira u f’Għawdex, biex il-kura primarja tkompli tingħata prijorità fis-servizzi tas-saħħa.

Mill-ġimgħa d-dieħla, ir-residenti ta’ Ħal Kirkop, tal-Qrendi, l-Imqabba, iż-Żurrieq, Ħal Farruġ u Ħal Luqa fost oħrajn, ser jinqdew miċ-ċentru tas-saħħa ġdid li ġie inawgurat f’Ħal Kirkop. Minn dan iċ-ċentru se jingħataw 17-il servizz tal-kura primarja fosthom ta’ tabib, tilqim tat-tfal, teħid tad-demm u is-saħħa tal-mara fost oħrajn.

Fl-inawgurazzjoni l-Prim Ministru qal li kull Gvern investa fil-qasam tas-saħħa, iżda l-investiment fil-kura fil-komunità kien waqa’ lura. Qal li l-aħħar ċentru tas-saħħa gdid nfetaħ 19-il sena ilu f’Birkirkara. Dr Muscat qal li l-Gvern huwa mpenjat li jiftaħ aktar ċentri tas-saħħa biex iwassal il-kura primarja fil-komunità.

“Il-pass li jmiss għalina huwa li nneħħu ftit mill-pressjoni li hemm fuq iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta billi niftħu ċentru tas-saħħa ieħor fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż u nduru ċ-ċentri tas-saħħa eżistenti, l-prijorità hi tal-Gżira, fejn hemm numru ta’ problemi strutturali li ilhom is-snin biex ikun aktar aċċessibbli,” qal il-Prim Ministru.

Dr Muscat qal li b’dan iċ-ċentru tas-saħħa f’Ħal Kirkop se tonqos il-pressjoni kemm minn fuq l-isptar kif ukoll miċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana, fejn in-nies tal-inħawi kienu jinqdew qabel. Il-Prim Ministru qal li l-għan tal-Gvern hu li l-pazjent jinqeda aħjar f’inqas ħin. Semma li bi sħab mal-privat, Steward Healthcare, fil-ġimgħat li ġejjin, ser ikollha ċentru tal-anatomija f’Għawdex u sal-aħħar tas-sena għandha titlesta l-iskola ta’ Barts.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li s-saħħa tibqa’ l-aktar ħaġa importanti għall-bniedem u għalhekk il-Gvern jibqa’ jagħtiha l-importanza li tixirqilha. “Ħa nżidu wkoll ċentru tas-saħħa ġdid ġewwa Għawdex, ir-Rabat Għawdex, għax Għawdex hemm ċentru tas-saħħa li ilu ħafna u għandu bżonn refurbishment. U għandna l-Paola Hub, li hemmhekk il-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tenders huwa miexi tajjeb ħafna wkoll.”

Ara wkoll:

Daqt ċentru tas-saħħa ġdid għal 28,000 ruħ f’Ħal Kirkop u l-madwar

Aħbarijiet Oħra
Lokali

F’intervista ma’ TVM, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri Nigel Camilleri qal li meta l-problemi fis-saħħa mentali tat-tfal ma jiġux indirizzati fl-immedjat ħafna mid-drabi jwasslu għal konsegwenzi kbar. Skont Dr Camilleri, jekk ċertu…

Lokali

Fiż-Żejtun, il-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga, bl-assistenza tal-RIU, sabu 5 blokok allegatament tar-raża tal-kannabis. Żewġt irġiel, wieħed ta’ 39 sena residenti Raħal Ġdid u ieħor ta’ 56 sena minn Marsaskala,…

Statistika

Iż-żieda fil-ħaddiema barranin f’Malta qed tirrifletti ruħha fl-ammonti ta’ flus li jintbagħtu f’pajjiżhom. Ċifri tal-Eurostat juru li s-sena l-oħra, l-ħaddiema barranin f’Malta bagħtu €61 miljun f’pajjiżhom. Fl-istess waqt, il-ħaddiema Maltin…

Lokali

Ilu jperper fuq il-bandiera Maltija iktar minn 70 sena. Għal uħud huwa simbolu li jagħmilhom kburin. Għal oħrajn ma jfisser xejn u għandu jitneħħa. Dan huwa l-George Cross li matul…

Aktar