Inawgurat iċ-ċentru LEAP f’Ħal Qormi

F’Ħal Qormi ġie inawgurat ċentru LEAP li minbarra li jgħin lil persuni innattivi biex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà, se jinkludi wkoll Ċentru għar-Riżorsi tal-Familja.

LEAP Qormi 2Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, qal li f’dan ir-reġjun kien hemm kważi 50 persuna li gawdew mis-servizzi tal-proġett u llum 11 minnhom ġew mgħejuna jsibu impjieg waqt li l-kumplament qed jitħarrġu biex jidħlu fi skema mal-privat imsejħa ‘support employment’. Spjega li l-ispirtu ta’ dawn iċ-ċentri fil-komunitajiet hu li bis-sehem tal-imsieħba kollha, jiġu milħuqa l-aktar persuni vulnerabbli.

Dr Farrugia qal li ċ-ċentri LEAP li qed isiru f’diversi lokalitajiet iridu jaħdmu id f’id fost oħrajn ma’ inizjattivi oħra tal-knisja u tal-għaqdiet volontarji.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg qal li fil-jiem ġejjin se titnieda skema ta’ €12-il miljun għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol waqt li tinċentiva lil min iħaddem biex jimpjega persuni b’diżabiltà.