Lokali
Inawgurat il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar

Żona mitluqa u żdingata magħrufa bħala l-Foss ta’ Ħaż-Żabbar, li kienet spiss lok għal abbuż inbidlet f’park ta’ rikreazzjoni għall-familja li ġie inawgurat wara investiment ta’ aktar min nofs miljun ewro.

Sa ftit xhur ilu, masġar fil-Foss ta’ Ħaż-Żabbar kien sar miżbla fl-iskart mormi illegalment u bejta għall-abbuż tad-droga. Iż-żona li fiha daqs erba’ grounds tal-football, inbidlet f’Park għall-familja.

L-assistent direttur ta’ Parks Malta Josianne Muscat qalet li l-post ġie mgħammar b’sistema ta’ kameras tas-sigurtà biex ikun żgurat li ż-żona tibqa’ mħarsa.

“Għamilna xogħol fuq binja li għandha servizzi sanitarji u kiosk u qegħdin fi stadju fejn daqt se noħorgu sejħa għall-kummerċjaliżżazjoni u stallajna logħob għat-tfal u teatru Griek.”

Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, qalet li dan il-proġett sewa madwar sitt mitt elf ewro. Żiedet li b’kollox tħawlu madwar 2200 siġra u pjanti indiġeni li għandhom sistema ta’ tisqija. Dal-park sar b’kollaborazzjoni mal-bank APS li ħareġ €35,000 għall-proġett.