Knisja Maltija
Inawgurat ir-restawr li sar fuq barra l-knisja tal-Bidnija

F’jum il-festa tal-Familja Mqaddsa fil-Bidnija, ġie inawgurat restawr li sar fuq barra tal-knisja fl-aħħar sitt xhur b’fondi tal-Unjoni Ewropea. Fl-omelija ta’ quddiesa li saret wara, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi fakkar lil Daphne Caruana Galizia li kienet tagħmel parti minn din il-komunità.

Ix-xogħol ta’ restawr tal-parti esterna tal-knisja tal-Bidnija tlesta fiż-żmien għall-festa tal-Familja Mqaddsa ċċelebrata mill-komunità ta’ dan l-irħajjel li jifforma parti mill-parroċċa tal-Mosta. Ir-restawr ġie inawgurat mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

Ir-restawr sar fuq il-faċċata u l-ġnub tal-Knisja, kif ukoll fuq iz-zuntier, il-kampnar u l-fontispizju u sar xogħol ukoll biex il-Knisja tkun aktar aċċessibbli b’rampi li saru fuq iz-zuntier. Dan hu l-ewwel restawr li sar fuq din il-knisja mindu nbniet fl-1920 fuq disinn ta’ Salvu Zahra. Ir-restawr sar b’investiment ta’ madwar €85,000, parti kbira minnhom minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

L-Isqof Galea Curmi qal li l-Knisja hi impenjata li tieħu ħsieb il-patrimonju tagħha. Żied li proġett bħal dan ifakkarna fl-importanza li nieħdu ħsieb il-patrimonju tal-pajjiż u li nħarsuh għal-lum u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, qal li l-Kurja bbenefikat minn żewġ miljun ewro minn fondi Ewropej għal diversi proġetti ta’ restawr u konservazzjoni. Qal li permezz tal-fondi Ewropej se jsir aktar investiment f’wirt storiku u reliġjuż li jagħmel parti mill-identità tal-poplu Malti u Għawdxin.

Wara l-inawgurazzjoni, l-Isqof Awżiljarju mexxa quddiesa. Fl-omelija, qal li sa ftit ta’ żmien ilu, il-Bidnija kien jissemma bħala l-post tal-paċi, is-serenità u s-sbuħija sakemm membru mill-komunità nqatlet hawnhekk: Daphne Caruana Galizia, fit- triq ftit ‘l isfel mill-knisja. Hu fisser dan bħala tebgħa kbira, li tibqa’ tebgħa akbar jekk ma jinstabx min ta l-mandat biex din il-persuna tkun eliminata. Qal li għalkemm ġie inawgurat ir-restawr ta’ din il-knisja, il-ħajja ta’ din il-persuna u l-familja tagħha qatt ma tista’ tkun irrestawrata.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar